L-artiklu ġie aġġornat bil-kummenti tal-MUT it-Tnejn 3 ta' Ġunju fil-11:21am.
Marco Bonnici, President tal-MUT – l-Union tal-Għalliema – kellu jwaqqaf ħesrem il-laqgħa tal-għalliema fejn kien qed jippreżenta parti mill-proposti tal-pakkett tal-ftehim kollettiv permezz ta’ slides. Bonnici beda jispjega li l-iskala 6, setgħet tintaħaq biss ‘by call’ u tħaddan fiha responsabbiltajiet addizzjonali bħalma jsir fiċ-ċivil. Għal din kien hemm reazzjoni negattiva u Bonnici kellu jwaqqaf il-laqgħa. Imma Bonnici ma qalx lil dawk preżenti li l-Gvern kien lest joffri allowance ta’ ftit inqas minn €2,000 fis-sena għal dawk li jaslu għal skala 6.
Il-pakkett offrut mill-Gvern se jikkontribwixxi biex l-istatus tal-għalliema jitjieb sostanzjalment. Kien hemm min esprima l-inkwiet li ftehim f’dan l-istadju ftit ġranet qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u dawk tal-Parlament Ewropew kien maħsub biex jinfluwenza l-vot. Min-naħa l-oħra kien hemm oħrajn li xtaqu jaraw konklużjoni għal dawn it-taħditiet. Minkejja li dan il-pakkett jaħseb fl-istatus fiskali tal-għalliem, ftit li xejn ibiddel il-kundizzjonijiet tal-għalliema favur l-iskejjel u t-tfal.
Il-ftehim il-ġdid jawgura tajjeb għall-professjoni tal-għalliema, u joffri wkoll inċentiv tajjeb biex ikun hemm interess f’din il-professjoni li qed issofri minn nuqqas kbir ta’ riżorsi umani.
Fl-istess waqt titjib fil-kundizzjonijiet tal-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja se jwassal biex bil-fors jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-għalliema fl-iskejjel privati. U dan jirriżulta f’tibdil ukoll fil-miżati tal-iskejjel privati u dan jista’ jwassal biex aktar familji jkollhom pressjoni fuqhom biex ilaħħqu mal-miżati l-ġodda.
Dritt għar-risposta għall-artiklu tal-Illum tal-Ħadd 2 ta’ Ġunju 2024
L-MUT tikkundanna l-attentat intenzjonat biss biex jiskredita lill-President tagħha s-Sur Marco Bonnici permezz ta’ gideb. Fl-ebda ħin matul il-laqgħa tal-preżentazzjoni tal-ftehim ma kien hemm tgħajir lill-President. Il-laqgħa kompliet sal-aħħar tant li damet aktar minn tlett sigħat u nofs. Hi gidba li l-laqgħa twaqqfet mill-President.
Hi gidba wkoll li l-President ma semmiex xi allowances iżda hu ikkwota eżatt dak li hemm fil-ftehim. Tant hu hekk, li l-membri li ġew l-MUT biex jaraw id-dokument tal-ftehim, raw eżatt dak li ntqal mill-President waqt il-laqgħa. Hu ta’ għib li reporter li qed jaħbi ismu – għal darb’oħra – qed jipprova jiskredita lill-President tal-MUT li ilu jaħdem għal tant snin fl-interess tal-edukaturi u tas-settur u li l-għan ewlieni tiegħu hu li jwassal sabiex jinkiseb l-aqwa ftehim għall-edukaturi. L-MUT issostni l-fiduċja kollha fil-President tagħha.