Numru ta’ kandidati Laburisti, Ħodor, u indipendent, iffirmaw stqarrija ppubblikata minn grupp ta’ NGOs, favur sanzjonijiet ġodda kontra l-attakki Iżraeljani fuq il-Palestinjani f’Gaża.
Minkejja li 10 biss minn 39 kandidat iffirmaw l-istqarrija, l-ikbar nuqqas kien innutat mill-kandidati Nazzjoanlisti, li l-ebda minnhom ma ffirma.
“Dawn il-kandidati ġew avviċinati għall-opinjoni tagħhom, iżda ma ffirmawx: Roberta Metsola, Peter Agius, Lee Bugeja Bartolo, Norma Camilleri u David Casa,” l-attivista Yana Mintoff Bland qalet.
Intant, l-istqarrija ġiet iffirmata minn 13-il NGO differenti u ‘l fuq minn 370 persuna.
Min-naħa tal-Partit Laburista ffirmaw Claudette Abela Baldacchino, Alex Agius Saliba, Clint Azzopardi Flores, u Daniel Attard.
Il-kandidati kollha tal-ADPD iffirmaw l-istqarrija filwaqt li minn dawk indipendenti, iffirmaw biss Arnold Cassola u Conrad Borg Manchè.
L-istqarrija mibgħuta lill-kandidati, kienet tikkonsisti f’sitt mistoqsijiet differenti dwar jekk humiex beħsiebhom jiġġieldu favur id-drittijiet tal-poplu Palestinjan f’Gaża.
L-istqarrija takkuża lill-Iżrael bil-ġenoċidju sistematiku f’Gaża billi tokkupa b’mod illegali l-art Palestinjana, filwaqt li ċċaħħad liċ-ċittadini f’Gaża minn prodotti essenzjali.
Tikkundana l-attakk tal-Ħamas nhar is-7 ta’ Ottubru, l-istqarrija taqbel mat-tliet talbiet ta’ moviment Palestinjan li twaqqaf fl-2005 u titlob biex Iżrael jirritorna l-artijiet Palestinjani li qed jokkupa, jiżgura ugwaljanza assoluta għall-Palestinjani f’Iżrael u jiżgura li r-refuġjati Palestinjani jitħallew jirritornaw f’arthom.
Fost l-NGOs li ffirmaw l-istqarrija kien hemm; Il-Kollettiv, Inzjamed, Moviment Graffitti, Young Progressive Beings, YMCA u Żminijietna.