Votanti reġistrati f’Malta, illum joħorġu jivvutaw f’żewġ elezzjonijiet; tal-Parlament Ewropew, u tal-Kunsilli Lokali.
Il-postijiet tal-votazzjoni fetħu mumenti ilu, fis-7am, u se jkunu qed jingħalqu llejla fl-10pm. Hemm jibda’ proċess li jara l-kaxxex madwar Malta jittieħdu fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar.
AQRA WKOLL: Dak li għandek tkun taf f'Jum il-Vot
Intant, bosta persuni diġa vvutaw, grazzi għall-elezzjoni bikrija li seħħet is-Sibt u t-Tlieta. It-Tlieta vvutaw dawk li s-Sibt se jkunu xogħol bħala Pulizija jew Assistenti Kummissjonarji Elettorali fil-postijiet tal-votazzjoni filwaqt li l-ġurnata ta’ qabel, ivvutaw ir-residenti fid-djar tal-anzjani, il-pazjenti fl-isptarijiet u min illum jinsab imsiefer.
AQRA WKOLL: Il-‘1’ jibqa’ l-iktar b’saħħtu imma t-‘2’ jaf ibiddel ftit l-istorja
Din hija l-ħames elezzjoni Ewropea, f’għoxrin sena. L-unika differenza hi, li fejn qabel Malta kienet tivvota għal ħames Memberi Parlamentari Ewropej, grazzi għal Brexit, Malta issa ttella’ sitt membri.
Dawn is-siġġijiet jagħmlu parti mis-720 siġġu responsabbli għal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea tal-leġiżlatura li jmiss, jiġifieri bejn l-2024 u l-2029.
It-tieni elezzjoni tas-Sibt hija tal-Kunsilli Lokali, fejn il-Maltin jeleġġu 476 kunsillier biex jiffurmaw it-68 Kunsill Lokali f’Malta u f’Għawdex, għal ħames snin li ġejjin.
L-unika lokalità li mhux se jkollha elezzjonjijiet tal-Kunsilli hija l-Imdina. Dan għaliex ikkontestaw ħames kandidati fl-iżgħar lokalità Maltija, li huwa l-ammont ta’ kunsilliera li jiffurmaw dan il-Kunsill.