Iktar minn 300,000 turist iżur Malta f’April
Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-għadd sħiħ ta’ turisti li waslu Malta f’April 2024 laħħaq it-306,279
More in Politika
Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-għadd sħiħ ta’ turisti li waslu Malta f’April 2024 laħħaq it-306,279
Bis-sħana tagħmel tagħha, Malta diġà nnutat żieda fit-turisti tant li f’April li għadda Malta kellha żieda taʼ 14.8% meta mqabbla mal-istess xahar fl-2023.
Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-għadd sħiħ ta’ turisti li waslu Malta f’April 2024 laħħaq it-306,279.
Mill-ammont kollu, 281,665 turist żar Malta għal btala, mentri 16,800 turist ġie Malta għal raġunijiet taʼ xogħol.
L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (35.1%); warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena (32.1%).
Residenti mir-Renju Unit, mill-Italja u minn Franza kienu jammontaw għal 48.5% tat-turisti kollha li waslu Malta.
L-istatistika turi wkoll li meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ wkoll, bi 3.8%, li jiġu b’kollox 1.7 miljun lejl.
Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (88%) kienu mgħoddijin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija.
It-tul medju taʼ dawn iż-żjarat kien jammonta għal 5.5 iljieli.
FʼApril 2024, in-nefqa sħiħa tat-turisti kważi laħqet il-€239.6 miljun.
Din tfisser żieda taʼ 19.7% fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat €142.9.
Mit-total kollu, 159,391 (52%) żaru jew raqdu Għawdex u Kemmuna.
888,118-il turist iżur Malta fl-ewwel kwart tas-sena
Dan ir-ritmu tajjeb seta’ jiġi nnutat ukoll fl-ewwel tliet xhur tas-sena. Fil-fatt ħarsa lejn l-ewwel kwart tas-sena, inkluż April, l-istatistika turi żieda taʼ 25.1% fuq l-istess perjodu tal-2023. B’kollox 888,118-il turist wasal Malta bejn Jannar u April.
L-għadd sħiħ tal-iljieli mgħoddijin telaʼ bi 12.7% u bʼhekk kważi laħaq il-5.1 miljun lejl.
L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq is-€646.8 miljun, 26.2% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2023.
L-infiq sħiħ għal kull ras tela’ għal €728 mis-€722 li kien fl-istess perjodu tal-2023.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata, kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 431,367, jew 48.6% tat-turisti kollha.