L-awtorità tat-toroq, Infrastructure Malta, reġgħet fetħet it-triq ta' taħt il-pont li jgħaqqad is-Swieqi ma' San Ġiljan. Dan wara li naddfet xi konkrit li ġġarraf u waqa'.
L-aġenzija qalet li fit-triq ta’ taħt instabu xi xquq waqt manutenzjoni ta’ rutina fi Triq Mikiel Anton Vassalli f’San Ġiljan. It-trejqa ta' taħt il-pont tgħaqqad Triq is-Swieqi ma’ Triq Santu Wistin. B’riżultat ta’ dan, waqgħet biċċa mill-konkos.
Jitkellem ma’ MaltaToday, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon qal li ż-żona sussegwentement ingħalqet sabiex jiġi monitorjat kollox, u tnaddfu biċċiet tal-konkos li waqa’. Skont Infrastructure Malta, iż-żona reġgħet infetħet wara li ġiet iċċertifikata sigurà minn perit.
Falzon qal li dan kien sempliċiment każ ta’ “spalling tal-konkrit,” u żied li x-xogħlijiet fiż-żona se jkomplu.
Problemi fl-istess pont ġew immarkati bosta drabi mill-kandidat indipendenti għall-MEP Arnold Cassola. Iż-żona mistennija tgħaddi minn xogħol simili għal dak fil-junction tal-Kappara.