Il-Laburisti jistennew l-ewwel sinjali konkreti minn Robert Abela

Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali bagħat xokkijiet kbar fil-Partit Laburista, u dwejjaq kbar hekk kif id-diriġenti bdew anke jwaħħlu f’xulxin

Abela jrid jibgħat sinjal ċar bil-fatti u mhux bil-kliem
Abela jrid jibgħat sinjal ċar bil-fatti u mhux bil-kliem

Hekk kif deher ċar mir-riżultat li l-Partit Laburista ħa daqqa ta’ ħarta kbira ħafna, diriġenti tal-PL bdew jilmentaw li l-problema l-ewwel trid tissolva mill-Prim Ministru Robert Abela, kemm bl-aġir, kif ukoll bl-għażla tal-kliem.  

Wara ġimgħa orribbli, il-messaġġi li ħarġu minn Robert Abela ma għenu xejn biex jittaffa l-uġigħ. L-iktar il-kummenti dwar iċ-ċivil li sfaw kritikati, kemm mill-Union Voice of the Workers (UĦM), kif ukoll mill-GWU li hija union viċin il-Gvern.  

Kien hemm ukoll ‘il-problema’ tad-Deputat Mexxej tal-PL Daniel Micallef u l-Kap Eżekuttiv tal-PL Randolph Debattista. Ħafna diriġenti kienu qed jistennew li l-Prim Ministru jieħu l-inizjattiva u jitlobhom jitilqu. Minflok, Micallef u Debattista kkapparraw il-mezzi tax-xandir u ħadu l-inizjattiva huma bi kliemhom fejn qishom riedu jieħdu raġun meta kulħadd jaf kemm ma għamlu xejn. Fuq kollox, bosta diriġenti qed jgħidu li jekk Robert Abela ma jbiddilx id-direzzjoni, il-PL huwa destinat li jitlef l-elezzjoni ġenerali li ġej u jiġi umiljat. 

Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali bagħat xokkijiet kbar fil-Partit Laburista, u dwejjaq kbar hekk kif id-diriġenti bdew anke jwaħħlu f’xulxin. L-iktar kanuni evidenti kien għall-fatt li l-PL kellu amministrazzjoni ineffettiva, dgħajfa u bla viżjoni.  

Fost l-aktar raġunijiet ovvji għal tnaqqis kien hemm il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela għażel li jappoġġja lill-Eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat waqt li għaddej proċeduri kriminali fuq il-każ tal-Vitals.  

Kien hemm ukoll ħafna suġġetti oħra fejn il-Prim Ministru Abela ma kienx ċar jew inkella dejjaq lil ħafna nies bil-mod kif tratta ċerti problemi. Apparti hekk jidher ċar li l-PL tilef it-tikketta ta’ partit żagħżugħ u fuq dan il-punt ma setax jikkompeti ma’ Roberta Metsola.  

Metsola dehret żagħżugħa u friska, u rnexxielha tiggalvanizza l-appoġġ Nazzjonalista u tirbaħ voti ġodda għall-PN miż-żgħażagħ u dawk imdejqin mil-Labour. 

Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jikseb 109,000 vot fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2019 hekk kif irreġistra żieda marġinali ta’ 6,000 vot biex spiċċa b’114,512 (44.2%) li ttraduċew f’212-il siġġu, 20 iktar mill-2019.  

Filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 150,000 vot fl-2019 u tnaqqis sostanzjali b’riżultat ta’ 134,767 jew 52.11% tal-voti. Dan iffiser li l-PL ġab 15-il siġġu anqas, 253 b’kollox. 

Il-PL naqqas is-sehem tiegħu tal-voti bil-kbir u tilef ħames kunsilli. Kien hemm bosta sorpriżi fosthom fejn rajna li l-Mosta, is-Siġġiewi, San Gwann, l-Imsida u San Pawl il-Baħar reġgħu daru għall-PN wara li l-PL kien rebaħ dawn il-lokalitajiet fis-snin preċedenti. Ir-riżultati tal-kunsilli lokali ma kinux kiefra daqs l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn il-PL ħa daqqa kbira oħra b’distakk ta’ madwar 8,500 vot mill-PN. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista naqqas il-voti minn 141,000 vot fl-2019 għal 117,000 fl-2024, tnaqqis ta’ 24,000 vot. U l-Partit Nazzjonalista żied minn 98,000 għal 109,000 jiġifieri żieda ta’ 11,000 vot fl-2024. 

Il-PN u l-PL issa għandhom siġġijiet indaqs, tlieta kull wieħed. U ċertament il-fattur ewlieni tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kien kruċjali biex il-PN jerġa’ jidħol biċ-ċans li jirbaħ elezzjoni Nazzjonali. 

Jidher ukoll li l-PL ħa xokk kbir u jidher ċar li l-ewwel reazzjonijiet għar-riżultat ma għamlux ġid il-partit. Ħafna qalu li kien ikun aktar għaqli li kieku l-Prim Ministru Robert Abela ma qal xejn u jagħti aktar żmien qabel ma jieħu pożizzjoni jew jieħu xi azzjoni. 

More in Politika