ANALIŻI | Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali: Min se jaqbad jifraħ?
L-elezzjonijiet ġew u marru, u issa wasal il-perjodu fejn il-partit politiċi jpoġġu bilqiegħda u jaħsbu fuq x’mar tajjeb u ħażin. Il-gazzetta ILLUM tanalizza dak li seħħ fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali
minn Marianna Calleja
Iż-żewġ partiti rebħu, iż-żewġ partiti tilfu. Partit serju jrid jaċċetta n-numri kif inhuma u jitgħallem minnhom jekk irid jikseb l-għanijiet aħħarin tiegħu. Dan m’għandniex għalfejn ngħiduh aħna, il-partiti jafuh.
Iżda jekk nagħtu ħarsa lejn in-numri, is-siġġijiet, it-tragwardji u d-diżappunti, nistgħu noħorġu wkoll bil-konklużjonijiet tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jakkwista ħafna, iżda għadu ’l bogħod
L-istorja politika Maltija dejjem rat lill-Partit Laburista jiddomina dawn l-elezzjonijiet, bil-Partit Nazzjonalista jsofri l-agħar riżutat tiegħu fl-2019 meta d-distakk kien mess is-47,000 vot.
L-għajjat u t-twerżiq minn qiegħ qalb in-Nazzjonalisti fis-Sala tal-Għadd tal-Voti żgur mhux forsi servew ta’ tama għan-Nazzjonalisti li kienu qatgħu qalbhom li qatt xi darba se jerġgħu jisimgħu l-innu tal-partit fin-Naxxar.
Għal partit li għamel l-aħħar 10 snin ma jafx x’laqtu, u frankament jimxi skont il-kurrent, il-Partit Nazzjonalista, f’tal-Ewropej iktar minn tal-Kunsilli Lokali, għamel passi kbar. Ġab lura ħafna, u dan ma nistgħux niċħduh, iżda li ġab mhux biżżejjed. Frankament, ħarsa lejn il-partit u tinduna li b’ħalqu miftuħ, bi lsienu barra, għadu ftit ’il bogħod fit-tellieqa.
Il-PN rebaħ lura lokalitajiet importanti u kbar, inkluż il-Mosta, San Pawl il-Baħar, u l-Imsida.
Rebaħ b’distakk komdu s-Siġġiewi wkoll, anke wara li l-Qorti ddikjarat frodi elettorali.
Ir-raħal kwiet fil-Punent ta' Malta, fortizza Nazzjonalista ra ftit azzjoni mhux ħażin din is-sena, u ma kinitx ta’ sorpriża li l-għajnejn kollha waqgħu fuqu l-Ġimgħa filgħaxija.
Tradizzjonalment blu, is-Siġġiewi kien intilef mill-PN u mar għand il-Partit Laburista fl-2019, b’differenza ta’ 70 vot biss. Issa ntrebaħ lura mill-Partit Nazzjonalista b’938 vot.
Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista rebaħ 20 siġġu aktar minn dak li rebaħ fl-2019, u b’hekk naqqas id-distakk fis-siġġijjiet minn 88 fl-2019 għal 44 din is-sena.
L-ikbar ċelebrazzjoni għall-PN tiġi wara ħarsa lejn x’tilef u rebaħ kull partit ikkumparat mal-2019. Fil-fatt, filwaqt li l-Partit Laburista tilef 15,747 vot, il-PN rebaħ 11,114.
Minkejja dan, is-suċċess ma kienx kbir daqskemm kien fl-elezzjonijiet tal-Ewropa, fejn il-PN irnexxilu jniżżel id-distakk taħt id-9,000 vot.
Apparti minn hekk il-ħoss tiegħu tant kemm ma kienx b’saħħtu daqskemm ittama, illi għen biex l-indipendenti u l-partiti ż-żgħar jisirqu ħames lokalitajiet minn idejn il-Labour u jdendlu d-destin tal-kunsill lokali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Hemm fost l-oħrajn, il-lokalitajiet tal-Mellieħa, u anke ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Għaldaqstant, l-ikbar mistoqsija li jrid jistaqsi lilu nnifsu l-PN huwa, xi l-marelli ġara fil-Belt Valletta.
Bejn siġġijiet fin-nofs, żibel akkumulat, storbju li jqażżek u nuqqas ta’ parkeġġ, il-Beltin kienu ċari li matul l-aħħar snin xebgħu. Imma r-rabja tagħhom minflok irriżultat f’tibdil fit-tmun u voti għall-PN, sarrfet biss għal bidla f’sindku Laburista u żieda ta’ voti għall-partit Residenti Beltin.
Għaliex il-Beltin ħassew li l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun gvern lokali alternattiv għalihom? Tajjeb ngħidu li fil-Belt Valletta, il-Partit Nazzjonalista kellu l-aktar telf ta’ voti, bi 370 vot inqas mill-2019.
Il-Labour rebaħ ... imma m’għandux jifraħ wisq
Il-Partit Laburista ħareġ il-Ħadd li għadda mis-Sala tal-Għadd tal-Voti, ma jafx jekk għandux jifraħ jew jitbikkem. Li titlef iktar minn 30,000 vot mhux ċajta. Kien għalhekk li kien hemm bosta fi ħdan il-PL imbeżżgħa li l-istorja se tkun l-istess f’tal-Kunsilli.
Iżda l-biża’ ma mmaterjalizzatx, u għalkemm id-daqqa ħadha, ma kinitx daqqa kbira u l-partitarji sintendi ferħu xorta, għax fuq il-karta r-rebħa tal-Labour hi.
Minkejja kollox irridu ngħidu li l-Partit Laburista tilef il-voti fi kważi kull belt f’Malta u Għawdex. It-52% li rebaħ il-Labour f’din l-elezzjoni jista’ jkun hi maġġoranza, iżda hi wkoll tnaqqis qawwi ta’ kważi sitt punti perċentwali mill-2019.
Dak li kien xi darba distakk ta’ 18-il punt perċentwali bejn iż-żewġ partiti ewlenin issa niżel f’ċifra waħda, bi ftit inqas minn 8%.
Dawk il-ftit punti perċentwali, flimkien mas-suċċess tal-kandidati indipendenti, ħalla prattikament kull lokalità bbilanċjata fuq xifer ta’ sikkina.
Għandek Pembroke, bħala eżempju, baqa’ mmexxi mil-Labour b’seba’ voti biss.
Tilef il-maġġoranza fil-Mellieħa, tilef l-Imsida, San Ġwann u s-Siġġiewi, tlieta mill-ibliet li kien ħakem bla tbatija ta’ xejn fl-2019, u tilef il-battalja kompletament fil-Mosta.
Anke fl-irħula li rebaħ, anke fil-fortizzi ħomor, il-maġġoranza naqset.
Għandek lokalitajiet bħall-Qrendi, iż-Żurrieq, u Santa Luċija, li l-Partit Laburista ma kien qatt jemmen li se jitlef iktar minn ħames punti perċentwali f’kull wieħed.
F’Marsaskala, bejn il-marina u ż-Żonqor, il-Labour tilef 14-il punt perċwentali.
Ħarsa lejn il-gżira oħt, fil-Qala, il-partit tilef 18-il punt perċentwali minkejja li ggranfa ma’ Paul Buttigieg u ġab rebħa għal Qalin bil-bidla fil-pjanijiet lokali.
B’kollox, il-partit tilef 15-il siġġu, u b’hekk il-maġġoranza preċedenti tiegħu ta’ 79 siġġu naqset kważi bin-nofs.
Kif kienet dik li kitbu fuq il-karta tal-vot? Alla jaħfer, Alla jinsa imma jien m’iniex Alla? Konna ngħidu hawn l-apatija, imma wara elezzjoni bħal din ngħidu li hawn ir-rabja. In-nies ma jinsewx, in-nies xebgħu, in-nies tkellmu.
Ħaġa waħda jrid iżomm f’moħħu l-Labour, dak li għandek tirhan, bigħu.
Lokalitajiet bla maġġoranza taw kulur ġdid il-mappa
Fuq il-mapep maħruġa mill-midja beda jfeġġ kulur isfar jew oranġjo fuq uħud mil-lokalitajiet.
Filwaqt li l-elezzjoni tal-2019 rat żewġ kunsilli mdendlin biss, it-tnejn f’Għawdex, din id-darba, kandidati indipendenti jew ta’ partiti żgħar xaqilbu l-bilanċ tal-poter f’xi bliet ewlenin Maltin.
Birkirkara, waħda mill-bliet l-aktar popolati fil-pajjiż, se tara lill-kandidat indipendenti Kaylocke Buhagiar bilqiegħda bejn sitt siġġijiet tal-PL u sitt siġġijiet tal-PN.
Buhagiar, eks kunsillier tal-PL, ftit li xejn kellu diffikultà biex jiġi elett, u rebaħ siġġu fl-ewwel għadd.
Min-naħa l-oħra, f’Ħaż-Żebbuġ is-suċċess ta’ Steve Zammit Lupi fl-aħħar ħames snin sarraf f’aktar minn 2,000 vot. Għal siġġu, ħa tnejn, u fuqu poġġa ’l ommu Lillibeth.
F’sitwazzjoni simili, fil-Mellieħa, Matthew Borg Cuschieri, ħa wieħed mid-disa’ siġġijiet tal-kunsill, filwaqt li ż-żewġ partiti l-kbar qasmu l-erbgħa li kien fadal.
Fil-Furjana konna ilna ftit naraw l-indipendenti jiżżerżqu ftit, iżda din is-sena, Nigel Holland, kien vot wieħed biss ’il bogħod milli jiġi elett fl-ewwel għadd, u faċilment rebaħ siġġu ladarba wiret li kien baqa’. Holland se jingħaqad fil-kunsill ma’ żewġ kunsilliera tal-PN u tnejn oħra tal-PL inkluż l-eks gowler tat-tim nazzjonali Justin Haber.
Fl-Għarb mhux se jkun kandidat indipendenti li jħassar il-gost tal-partiti l-kbar, iżda l-grupp residenti Għarb l-Ewwel, li eleġġa tnejn mill-kandidati tiegħu, David Apap u Lisa Marie Brooke. Dawn se jingħaqdu maż-żewġ kunsilliera tal-PL u l-uniku rappreżentant elett tal-PN.
It-turn out qatt ma kien daqsekk baxx
Fit-tellieqa bejn iż-żewġ partiti daħħal denbu t-turn out, li għal din is-sena niżel ftit inqas minn 60%.
Għall-ewwel darba fl-istorja elettorali riċenti ta’ Malta, it-turn out niżel għal 59.6%, jew 272,000 vot.
L-inqas turnout kien f’San Ġiljan, fejn 26% biss tal-votanti ħarġu jivvutaw. Dan kien segwit minn San Pawl il-Baħar u Tas-Sliema, bi 28% joħorġu jivvotaw.
Kerċem u Ħad-Dingli kienu l-aktar attivi f’din l-elezzjoni, b’74% ta’ turnout, fil-waqt li Santa Luċija segwiet bi 73%.
Bejn wieħed u ieħor l-istess numru ta’ nies vvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2019 iżda, minħabba t-tkabbir tal-popolazzjoni ta’ Malta f’dawn l-aħħar ħames snin, il-parteċipazzjoni ta’ dak iż-żmien kienet kemxejn ogħla (62.6%).
Fejn se jieħu l-kunsilli dan it-turn out baxx ma nafux, imma s-sindki u l-kunsilliera diġà qed igergru għax m’għandhomx poter. X’jiġri jekk ħadd ma jibqa’ jivvota fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali?