It-tensjoni bejn Alex Agius Saliba l-istilla tal-Partit Laburista u l-Prim Ministru, mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela tibqa’ tiżdied, b’episodju l-Ħadd li għadda.
Jitkellmu mal-ILLUM, sorsi qrib il-PL qalu li Agius Saliba attenda l-attività politika tal-PL fir-Rialto f’Bormla iżda ma sabx siġġu jistennih fuq quddiem tal-folla.
Minflok kien Thomas Bajada, wieħed mill-kelliema, li poġġa fil-filliera ta’ quddiem, qrib il-mara tal-Prim Ministru.
Wieħed faċilment jista’ jargumenta li Abela ried iż-żgħażagħ fi ħdan il-PL fuq quddiem, biex jidher li huwa frisk u lest għal bidla, minħabba li kienu l-votanti żgħar u ġodda li naqqsu l-maġġoranza tal-Labour.
Fil-fatt flimkien ma’ Bajada kien hemm jidher b’mod prominenti ukoll l-iżgħar Sindku ta’ Malta Dale Hayman.
Filmati diretti mir-Rialto wrew lil Prim Ministru jiġi milqugħ b’tgħanniq, u bews. Iżda malli kulħadd beda’ jsib siġġu, u l-Prim Ministru għamel triqtu fuq quddiem, l-events manager tiegħu Aaron Zahra deher imexxi l-kandidat Ewropej li ma telgħux, Marija Sara Vella Gafà, Claudette Abela Baldacchino u familthom fuq wara tas-sala.
Viżibilment diżappuntati, in-nies saħansittra offrew lil wħud minnhom is-siġġu tagħhom, iżda huma jirrifjutawh.
Waqt dan il-ġenn kollu, l-MEP Laburista, l-aktar kandidat Laburista li qatt ġab voti fl-istorja, ma deher imkien.
Is-sorsi spjegaw li Agius Saliba kien ddispjaċut, u dan esprimieh.
Żiedu jgħid li Agius Saliba ilu “bit-tiketta,” ma’ Abela mill-bidu tal-kampanja, meta kien organizza mass rally fejn it-Tritoni u l-kelliem prinċipali tiegħu kien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan kien qabel ma’ Abela ħareġ favur Muscat hu stess.
Sintendi Abela ma tantx kellu għażliet x’jieħu dwar is-sitwazzjoni minħabba li Agius Saliba hu popolari minn bosta Laburista.