Il-Cash rebate għall-films b’kundizzjonijiet ġodda u stretti

Il-produzzjonijiet Maltin u barranin interessati fil-cash rebate, iridu jżommu mar-rati tal-ħlas ġodda, u linji gwida, maħruġa mill-Kummissjoni tal-Films

Il-Kummissjoni Maltija għall-Films għamlet aġġustamenti fil-kriterji tagħha tal-iskema tal-Cash Rebates. Dan bil-għan li jitnaqqas, jekk mhux jiġi eliminat, l-abbuż li kien qed iseħħ fuq il-crew tal-produzzjonijiet, b’mod partikolari fuq it-tim tekniku Malti. 

Il-kundizzjonijiet huma maqsuma bejn 10 linji gwida, u sett ġdid ta’ rati għal kull membru tal-crew wara l-kwinti. 

L-iskema tal-cash rebates diġà kellha numru ta’ obbligi li produtturi jridu jżommu magħhom. Fost l-obbligi li diġà kellha l-iskema, kien hemm li l-produzzjonijiet iridu jimpjegaw numru ta’ persuni lokali jew jużaw kumpanija tas-servizz lokali, isegwu r-regolamenti tat-taxxa, u jissodisfaw obbligi promozzjonali u ta' taħriġ. 

Hija waħda minn dawn l-obbligi li bdiet toħloq tip ta’ “abbuż.” 

Sors qrib il-Kummissjoni tal-Films spjega lill-ILLUM kif il-Kummissjoni bdiet tinnota diskrepanza fil-paga, u l-kundizzjonijiet bejn ħaddiema tal-produzzjoni Maltin u dawk li ġejjin minn barra. 

Tivverifika dan ma’ persuna oħra, l-ILLUM skopriet li dan kien qiegħed iseħħ x’aktarx minħabba li ma hawn l-ebda union li tista’ taqbeż għat-tim Malti tal-produzzjoni. 

Persuni li ħadmu f’dan ix-xogħol qalu mal-ILLUM li l-pagi ma kinux ħżiena kkumparati mal-pagi li wieħed jaqla’ minn produzzjonijiet Maltin, iżda “l-kundizzjonijiet kienu orrur.” 

Semmew kif kemm-il darba ħadmu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, mingħajr ma ġew ikkumpensati, fost problemi oħra. 

Iżda mid-dehra l-Kumissjoni tal-Films qabdet il-barri minn qrunu u ħarġet b’linji gwida sabiex dan l-abbuż jieqaf. 

Il-Kummissjoni tal-Films tobbliga produtturi b’pagi minimi ġodda 

Inizjalment Malta ma kellhiex rata tal-ħlas għal crew ingaġġat minn Malta. Kull service provider kien ikollu r-rati tiegħu, u meta jippreżentahom lill-produzzjoni, jaħseb biex jieħu wkoll xi forma ta’ commission. 

Għaldaqstant, minn din is-sena, il-produzzjonijiet Maltin u barranin iridu jżommu mar-rati ġodda maħruġa mill-Kummissjoni tal-Films. 

L-ILLUM kellha opportunità tara dawn ir-rati u meta qablet ma’ dawk ta’ service provider partikolari, setgħet tinnota żieda sostanzjali. 

Ir-rati jkopru 26 dipartiment; minn finanzi sa amministrazzjoni, minn bini ta’ sett għal ħjata tal-kostumi, minn camera persons għal editors. Ir-rati jinkludu kull rwol possibbli wara l-kwinti ta’ produzzjoni. 

Tajjeb li nsemmu wkoll illi r-rati tas-service provide li rat l-ILLUM għandhom miktub “NEGOTIABLE,” b’ittri kbar korsivi fuqhom. 

Min-naħa l-oħra, ir-rati mogħtija lill-produtturi mill-Kummissjoni tal-films huma biss il-minimu li jista’ jkunu, u jekk isir negozjar isir biss biex ir-rata togħla. 

Ir-rati mogħtija mill-Kummissjoni kollha jaqbżu sew il-€100, u kollha huma rati mħallsa għal kull ġurnata maħduma. 

Fost ir-rati hemm dawk tal-accountant tal-produzzjoni. Skont is-service provider dan jitħallas bejn €200-€300. Skont ir-rati tal-Kummissjoni dan għandu jitħallas bejn €300-€500. 

Skont is-service provider Senior Construction manager jitħallas bejn €200 u €300 filwaqt li skont il-Kummissjoni għandu jitħallas bejn €350 u €400. 

Il-persuna li tieħu ħsieb il-props, magħrufa bħala Props Master, skont is-service provider għandu jitħallas €200 u €300 filwaqt li skont il-Kummissjoni għandu jitħallas bejn €250 u €350. 

Il-Kummisjoni Maltija għall-Films għamlet wkoll aġġustamenti fil-kriterji tagħha tal-iskema tal-Cash Rebates. Il-linji gwida huma dawn; 

  1. L-impjegat għandu jkollu l-għażla li jkun jew fuq il-paga bażi full-time għat-tul tal-kuntratt jew li jaħdem għal rasu bi ħlas permezz ta’ invoice. 

  1. Għandha tintbagħat memorandum ta’ ftehim lill-ekwipaġġ kollu wara li jkun intlaħaq ftehim verbali. Il-kuntratti għandhom jinħarġu fl-ewwel ġimgħa ta’ ingaġġ. 

  1. Ir-rati tal-ħlas m’għandhomx jaqgħu taħt il-minimu stabbilit mill-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta. 

  1. Ġurnata tax-xogħol standard tal-industrija hija 11+ siegħa, bl-overtime jitħallas b’rata ta’ 1.5 fis-siegħa wara 12-il siegħa. 

  1. Is-sigħat għandhom ikunu l-istess għall-crew kollu li jaħdem f’dipartiment fuq l-istess produzzjoni. L-ekwipaġġ Malti m’għandux ikun qed jaħdem sigħat itwal mill-kontropartijiet internazzjonali. 

  1. Fejn jinħadmu aktar minn ħamest ijiem konsekuttivi, ir-rata ta’ kuljum għandha titħallas: 

  1. b’rata ta’ 1.5 fis-siegħa għas-sigħat kollha maħduma fis-6 jum. 

  1. b’rata ta’ 2 fis-siegħa għas-sigħat kollha maħduma fis-7 jum. 

  1. Fejn hemm festa pubblika, il-paga trid titħallas doppja. 

  1. Irid ikun hemm mill-inqas 11-il siegħa bejn wrap u l-ħin tas-sejħa tal-għada. Fejn din tinkiser il-paga trid titħallas b’0.5 aktar fis-siegħa. 

  1. L-ekwipaġġ ibbażat f’Għawdex li jaħdem fuq produzzjonijiet f’Malta għandu jkun eleġibbli għal Per Diems bl-istess mod bħall-ekwipaġġ ibbażat f’Malta li jaħdem produzzjoni f’Għawdex.  

  1. Allowances għall-ikel ta’ €20 kuljum għandhom ikunu disponibbli għall-ekwipaġġ kollu għat-tul tal-produzzjoni. 

Is-sors żvela li f’Malta, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, diġà kellha 14-il produzzjoni, li jvarjaw minn serje, films, u reality TV.  

Is-sors ma setax jikkonferma li l-14-il produzzjoni laħqu l-obbligazzjonijiet il-ġodda għax mhux fil-limitu tiegħu. Madankollu semma li kemm ‘Jurassic Park’, li se jinħadem matul ix-xhur li ġejjin, u s-serje ‘Lockerbie’, it-tnejn ħadu l-iskema taħt il-linji gwida l-ġodda. 

X’inhu l-Cash Rebate? 

F’mossa strateġika biex ittejjeb il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni ewlenija għall-produtturi tal-films, il-Kummissjoni Maltija tal-Films kienet nediet skema bil-għan li tattira produzzjonijiet internazzjonali lejn xtutna.  

Din l-inizjattiva tiġi bħala parti mill-isforzi kontinwi ta’ Malta biex issaħħaħ l-industrija tal-films tagħha u tikkapitalizza fuq il-pajsaġġi diversi u l-wirt kulturali. 

Taħt l-iskema l-ġdida ta’ roħs, produzzjonijiet li jiffilmjaw f’Malta jistgħu jibbenefikaw minn inċentivi finanzjarji sinifikanti.  

Il-programm joffri roħs fi flus sa 40% fuq in-nefqa totali minfuqa f’Malta, prattikament waħda mill-aktar skemi ta’ roħs kompetittivi fid-dinja. 

Dan l-appoġġ finanzjarju japplika għal films, drammi televiżivi, dokumentarji, u riklami li jissodisfaw il-kriterji ta’ eleġibbiltà stabbiliti mill-MFC. 

Minkejja li din offerta attraenti għall-produtturi barranin, il-Kummissjoni u l-Kummissarju tagħha kemm-il darba ġew ikkritikati fuqha. 

L-ilment prinċipali dwarha hu li l-iskema qed taqta’ wisq mill-profitt li Malta tista’ tagħmel mill-films.  

Dan filwaqt li ċerti kmamar tal-aħbarijiet, jew persuni, mexxew il-miżinformazzjoni li dawn il-flus frankati lill-produttir qed jinqatgħu mit-taxxi pubbliċi. 

Jiddefendi l-inizjattiva, Johann Grech, Kap Eżekuttiv tal-Malta Film Commission, li dejjem enfasizza l-benefiċċji ekonomiċi u l-iskambju kulturali faċilitati mill-programm ta’ roħs.  

Dan filwaqt li spjega li l-iskema qed tħalli biss dħul lil Malta. Id-dħul jinqasam bejn dak dirett u dak indirett. 

Id-dħul dirett huwa l-infiq li l-produttur iħalli f’taxxa mħallsa hawn, pagi lit-tim Malti, kirjiet ta’ postijiet għall-filming, eċċ. 

Id-dħul indirett huwa l-infiq li jsir mit-tim kollu tal-produzzjoni f’lukandi, eskursjonijiet, ristoranti, trasport, eċċ. 

Il-proċess tar-roħs huwa mfassal biex ikun sempliċi u effiċjenti, bl-MFC jipprovdi appoġġ u gwida lill-kumpaniji tal-produzzjoni matul l-istadji tal-applikazzjoni u l-iffilmjar.  

Dan il-proċess, skont il-Kummissjoni, jiżgura li l-produtturi tal-films jistgħu jiffokaw fuq il-viżjoni kreattiva tagħhom filwaqt li jimmassimizzaw il-benefiċċji finanzjarji offruti mill-programm ta’ roħs. 

 

More in Politika