F’Mejju li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna naqset għal 1.5%. Din kienet l-anqas rata ta’ għoli tal-ħajja fl-aħħar tliet snin. Fil-fatt kien f’Mejju 2021, waqt li kienet għaddejja l-pandemija, li kienet osservata rata anqas ta’ 1.3%.
Bħala medja minn Marzu 2013 ’l hawn, ir-rata medja tal-inflazzjoni kienet ta’ 1.9%. L-ogħla rata ta’ inflazzjoni fl-aħħar snin kienet osservata f’Ottubru 2022, meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kien irrapporta rata ta’ 7.5%, jew ħames darbiet ir-rata preżenti.
Dakinhar ir-rata ta’ żieda fil-prezzijiet tal-ikel kienet kważi messet l-14%. Sa Jannar li għadda, din ir-rata kienet naqset għal ftit aktar minn 9%. Biex imbagħad, wara d-dħul tal-iskema Stabbiltà, ir-rata naqset bin-nofs għal 4.5%. L-istatistika uffiċjali tindika li bħala medja l-prezzijiet tal-ikel reġgħu marru għal-livell li kienu f’Novembru li għadda.
Fil-fatt analiżi tat-tendenzi fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel tindika li Malta kellha l-akbar differenza fit-tendenza wara l-bidu ta’ Frar li għadda, propju meta daħlet fis-seħħ l-iskema Stabbiltà. Fl-erba’ xhur qabel il-bidu ta’ Frar, il-prezzijiet tal-ikel f’pajjiżna kienu għolew b’4%, mentri fl-erba’ xhur ta’ wara naqsu b’1.4%. Dan ifisser li kien hemm bidla ta’ 5.3% fl-andament tal-prezzijiet tal-ikel.
B’kuntrast madwar l-Unjoni Ewropea, fl-erba’ xhur qabel Frar li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel kienet ta’ 1.6% biss, jew anqas minn nofs dik f’pajjiżna. Biex imbagħad fl-erba’ xhur minn Frar ’l hawn, il-prezzijiet għolew b’0.3%. Jiġifieri madwar l-Ewropa, it-tnaqqis fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel matul iż-żewġ perjodi kien ta’ 1.3%, jew kwart dik osservata f’pajjiżna.
Ta’ min jinnota wkoll li għalkemm fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej kien hemm tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel jew saħansitra tnaqqis fil-prezz tal-ikel, xorta hemm pajjiżi fejn dan ma seħħx. Eżempju ċar huwa Ċipru, nazzjon gżira bħalna, fejn l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel tidher li qed tirranka sew.