476 kunsillier minn 68 lokalità f’Malta u Għawdex ħadu ħadu l-ġurament it-Tlieta filgħaxija.
Jindirizza dawk preżenti, il-Prim Ministru ta’ Malta irringrazzja l-kunsilliera li ħadmu fil-kommunitajiet qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju.
Qal li l-Kunsilliera, b’esperjenzi differenti, uħud stabbiliti u oħrajn żgħażagħ u uċuħ ġodda, għandhom ħaġa waħda komuni; “ir-rieda li l-postijiet fejn ngħixu jkunu isbaħ u fihom offruti l-aqwa servizzi. Kien hawn li mhux biss semma l-importanza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, bil-qalba ambjentali fuq quddiem nett, iżda semma wkoll il-qalba diġitali u diġitalizzazzjoni tas-servizzi.”
Abela semma deċiżjonijiet li jridu jieħdu huma dwar spazji bħal pjazez għan-nies, aktar milli għall-karozzi. Fisser dawn bħala “deċiżjonijiet kuraġġużi li rridu neħduhom wara li nisimgħu u nikkonsultaw iżda finalment niddeċiedu u nimplimentaw.” Saħaq li l-Gvern ċentrali se jkun mal-Kunsilli Lokali u filwaqt li jkompli jinvolvihom, jappoġġjahom f’ħidma li trid tkun iffukata fuq l-interess tal-lokal.
Indirizzaw ukoll lill-Kunsilliera, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Bonnici feraħ lill-476 Kunsilliera u saħaq li l-ħidma tagħhom għandha tkun prova tal-impenn lejn il-komunitajiet tagħna.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli għamlet aċċenn fuq il-perjodu ta’ tibdil u aġġornament li għaddej minnu s-settur tal-Gvern Lokali f’Malta.