It-taħditiet mal-gvern dwar il-ftehim settorjali għall-edukaturi spiċċaw u l-membri issa se jivvutaw fuq il-verżjoni aġġornata, qalet il-Malta Union of Teachers
Il-ftehim jolqot lill-edukaturi fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha tal-Istat.
AQRA WKOLL: Miljuni mwiegħda fil-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT
L-unjin kienet issospendiet il-proċess ta’ votazzjoni interna dwar il-ftehim settorjali x-xahar li għadda wara r-rispons minn edukaturi veterani, li ħassew li ġew injorati.
Minn dakinhar, l-unjin kompliet timpenja ruħha mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u ġie introdott bonus ġdid għall-edukaturi fl-aħħar stadju tal-progress tagħhom.
Il-Gvern ried jimxi ‘l quddiem bl-iffirmar tal-ftehim qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju u kien saħansitra bagħat email personalizzata lill-edukaturi kollha tal-iskejjel primarji u sekondarji biex jinfurmahom dwar il-kundizzjonijiet tal-paga mtejba.
Madankollu, it-taħditiet baqgħu għaddejjin sal-lum bl-MUT tħabbar li se tipproċedi bil-proċess li jwassal għall-votazzjoni tal-ftehim.
AQRA WKOLL: Xhur wara, jintlaħaq ftehim u l-MUT jerġa’ jibdielha
Il-membri tal-Union se jkollhom diversi laqgħat online li fihom jiġi spjegat lilhom il-ftehim. Il-votazzjoni dwar il-ftehim mistennija ssir online bejn l-4 ta’ Lulju fl-4pm u s-6 ta’ Lulju fis-7pm.
Il-ftehim settorjali skada f'Diċembru 2022 u t-taħditiet baqgħu għaddejjin minn dakinhar. F'Novembru 2023, l-edukaturi għamlu strajk ta' ġurnata wara li t-taħditiet naqsu milli jirreġistraw xi progress.