Matul is-sena 2022 żdiedet l-allokazzjoni finanzjarja rikurrenti b’madwar €90 miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, il-maġġoranza ta’ dawn iż-żidiet marru fuq pensjonijiet, benefiċċji tal-mard u l-qgħad, fost oħrajn.
Din iż-żieda fil-protezzjoni soċjali hija apparti mill-investiment illi sar fuq supplimenti u benefiċċji marbuta mal-Covid. Fil-fatt, fis-sentejn ta’ qabel, fl-2020 u l-2021, apparti l-introduzzjoni jew titjib t’għexieren ta’ benefiċċji u miżuri soċjali, il-Gvern kien investa bis-saħħa sabiex jissalvagwardja l-interessi u l-impjiegi t’eluf ta’ persuni waqt il-pandemija tal-COVID.
Matul is-sena 2022, din in-nefqa naqset b’mod konsiderevoli, tant illi niżlet b’€246 miljun fuq benefiċċji marbuta mal-COVID. B’hekk mingħajr ma tgħodd l-għajnuna li kienet ngħatat fil-pandemija, jirriżulta li l-Gvern fl-2022 żied l-investiment rikorrenti fil-protezzjoni soċjali b’€90 miljun.
Benefiċċjarji marbuta mal-qgħad ammontaw għal 21,764 fix-xahar, bil-maġġoranza tagħhom (79.6%) kienu qed jirċievu l-Wage Supplement tal-COVID. Madwar 47,408 persuna rċevew minn tal-inqas pagament wieħed minn din l-iskema matul is-sena 2022.
Intant il-benefiċċji kontributorji u anke dawk non-kontributorji żdiedu b’mod sinifikanti, b’€51.5 miljun u €41.5 miljun rispettivament, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Il-maġġoranza ta’ dawn il-benefiċċji marru għand il-pensjonanti, li ammontaw għal 101,000 sal-aħħar tas-sena 2022, b’7 minn kull 10 benefiċċjarji kienu qed jirċievu pensjoni għall-irtirar.
Il-benefiċjarji soċjali fl-2022 kienu jammontaw għal 35% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna, b’57% minnhom ikunu nisa, inkluż il-benefiċċji tat-tfal li jitħallsu lill-ommijiet.