Il-Malta Union of Teachers, MUT, issospendiet l-azzjonijiet industrijali fl-MCAST wara li l-unjin u l-gvern waslu għal xi kompromess dwar it-triq 'il quddiem lejn ftehim kollettiv ġdid.
Fi stqarrija l-Ġimgħa filgħodu, l-unjin qalet li hi qablet mal-Gvern dwar il-passi ‘l quddiem fir-rigward tan-negozjati, li jwasslu għal “konklużjoni sodisfaċenti” tal-ftehim. Laqgħat dwar dan kollu ġew miftehma, bil-unjin tissospendi d-direttivi l-Ġimgħa filgħodu.
Din l-aħbar ġiet wara li l-istituzzjoni post-sekondarja għaddiet minn azzjoni industrijali, hekk kif l-MUT ordnat lill-istaff tal-MCAST biex ma jippubblikax ir-riżultati tal-eżamijiet u l-assessjar lill-istudenti wara li fallew it-taħditiet dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid.
Fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu sodisfat li d-diskussjonijiet mal-istudenti tal-MCAST u l-membri tal-MUT, ħallew il-frott. Qal li filwaqt li d-diskussjoni fuq il-ftehim kollettiv se tkompli, l-istudenti se jkunu provduti l-marki tagħhom.
It-tilwim bejn il-Gvern u l-MUT kienu suġġett ta’ kontroversja fl-aħħar ftit ġimgħat, b’studenti tal-MCAST juru t-tħassib tagħhom fi protesti kemm fl-iskola stess u anke quddiem il-parlament.
ARA WKOLL: It-taħdidiet bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-ftehim settorjali konklużi
Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni kien ukoll ħeġġeġ lill-Gvern u l-MUT biex jirrisolvu t-tilwim bejniethom. Intant, il-Prinċipal tal-MCAST Joachim James Calleja kkonferma li l-kuntratt tiegħu mhux se jkun mġedded mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.