Hekk kif il-Ministru l-ġdid Jo Etienne Abela ħa r-riedni tal-Ministru tas-Saħħa f’idejh mingħand Chris Fearne, jidher ċar li problemi amministrattivi fl-isptar Mater Dei mhux qed jiġu indirizzati. Filwaqt li Abela hu maħbub u rispettat mill-kollegi professjonali, il-fatt li qed iqatta’ ħafna ħin jopera minflok jagħmilha ta’ Ministru tas-Saħħa qed iwassal biex ikun hemm problemi serji f’Mater Dei.
Id-dispensa li jibqa’ jopera ngħatat lilu mill-Prim Ministru imma bosta kollegi tiegħu fil-kabinett stqarrew ma’ din il-gazzetta li l-ewwel prijorità hi l-pazjent u mhux il-politika. U ħafna minn dawn l-istess ministri qed jilmentaw li hemm stennija kbira f’ħafna servizzi fl-isptar. Ministru partikolari qalilna: “Jo Etienne brillanti bħala kirurgu, imma m’għandux ħażen politiku u mhux qed jinduna li fl-isptar irid ikollok id tal-ħadid għax mis-sebgħa jieħdu l-id. Il-politika ġibnieha part-time jew hobby.”
Dan wara li fost l-iktar oġġett li semmew ħafna nies li tkellmu ma’ politiċi Laburisti kien l-istennija esaġerata għal ċerti testijiet u apparti kollox anke d-dewmien inkredibbli fis-servizzi ta’ emerġenza.
Il-kontroversja tad-dispensa li politiku jitħalla jibqa’ għaddej b’xogħol bħala kirurgu kienet ġrat qabel fil-każ ta’ Franco Mercieca. Mercieca tant kien ħassu skomdu li ma baqax kirurgu li kien spiċċa ma baqax segretarju parlamentari.
Chris Fearne, li qabel ma sar Ministru tas-Saħħa kien kirurgu ewlieni tat-tfal, kien għażel li jieqaf kompletament mix-xogħol tiegħu f’dan il-qasam u jiddedika l-ħin kollu tiegħu għall-politika.
L-istess Ministru li tkellem mal-ILLUM bil-patt li ismu ma jiġix żvelat qal hekk: “Is-saħħa u s-servizz tas-saħħa konna niftaħru bih f’kull żmien bħala Gvern Laburista, iżda b’din tal-Vitals hemm ċans li nispiċċaw nitilfu anke din.”
Fid-dawl kbira tal-kriżi li għandu Robert Abela, li jonqsu issa hu kriżi fil-qasam tas-saħħa. U minkejja l-fatt li għaddew tliet ġimgħat mir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali fejn il-Partit Laburista esperjenza xita ta’ voti mitlufa, s’issa ma kien hemm ebda mossa konkreta min-naħa tal-Prim Ministru biex jintbagħat messaġġ ċar li se jkun hemm tibdil.