Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li hu u martu ħallsu għall-ispejjeż kollha relatati maċ-ċerimonja taż-żwieġ tagħhom wara allegazzjonijiet li ħadu vantaġġ mill-preparamenti tal-Mediterrane Film Festival.
Il-Ħadd, ADPD talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga jekk fondi pubbliċi pjanati għall-Festival tal-Films tal-Mediterran intużawx biex ikopru spejjeż relatati maċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ ta’ Bartolo, li saru fl-istess post jum qabel iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-festival.
Madankollu, Bartolo saħaq li l-ispejjeż kollha tat-tieġ tiegħu tħallsu mill-bwiet tiegħu u ta’ martu.
Fuq Facebook, Bartolo spjega li ċ-ċerimonja taż-żwieġ tiegħu saret fil-Port ta’ Couvre f’Manoel Island, u mhux fiż-żona tal-fortizza, li ntużat għall-festival.
Qal li dak kollu li ntuża għaċ-ċerimonja tiegħu – inkluż dgħajjes, barkun, sound, fjuri, twapet, 150 siġġu u mejda – tħallsu permezz ta’ fondi personali.
“Sfortunatament hawn min jaħseb li għax tkun ministru jfisser li inti kriminal. Illum-il ġurnata wasalna f’punt fejn lanqas il-ħajja privata tiegħek ma jħalluk tgħix għax jibdew iqajmu d-dubji u s-suspetti mingħajr ma jkunu jafu l-fatti, u mingħajr ma tiġihom id-diċenza bażika li jistaqsu għall-informazzjoni,” qal.
“Ġaladarba tgħaddi din l-investigazzjoni u l-Awditur Ġenerali jippubblika r-rapport tiegħu, nistenna li min talab l-investigazzjoni u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iffumentaw din l-atmosfera tqila li wasslet għal din l-investigazzjoni jitolbu apoloġija pubblika.”