Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal it-Tnejn filgħaxija li huwa favur liġi tal-iffinanzjar tal-partiti, iżda l-Gvern mhux iħabbel moħħu biex jagħmilha “għax komdu kif inhu.”
“It-triq ‘il quddiem, lil hinn mill-aħjar intenzjonijiet tieghi, lil hinn mill-intenzjonijiet tal-grupp parlamentari tiegħi, fl-aħħar mill-aħħar, anke biex ineħħu kull dell, ejjew nitkellmu dwar l-iffinanzjar tal-partiti. Ejjew nagħmlu l-liġi tal-iffinanzjar tal-partiti,” qal Grech.
Il-gvernijiet matul iż-żmien provaw kemm il-darba joħolqu xi tip ta’ abbozz li jirregolaw mhux biss il-mod kif partiti politiċi jiġu ffurmati, u l-mod kif jaħdmu anzi wkoll kif jiġu ffinanzjati.
Fit-tnax il-leġiżlatura, il-gvern taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat ħoloq abbozz li introduċa obbligi u limiti speċifiċi rigward il-finanzjament tal-partiti politiċi. Dan kellu jżid l-infiq permissibbli fuq kampanji elettorali tal-kandidati, jimponi kontrolli aktar stretti fuq dan l-infiq u jintroduċi sanzjonijiet aktar effettivi kontra infiq żejjed.
Jitkellem fuq il-programm Xtra, Grech qal li r-realtà tal-partiti politiċi hi li jiddependu mill-ġenerożità ta’ kulħadd, kemm ta’ dawk li jifilħu jagħtu €10 u dawk li jifilħu jagħtu €1,000, iżda l-kwistjoni mhux li taċċetta d-donazzjoni. “Il-kwistjoni tibqa’ kemm inti se tibqa’ moralment b’saħħtek, li min jagħtik id-donazzjoni ma tħallhiex jiddeċiedi għalik jew jikkompromettik li ma jħallilekx għażla oħra,” Grech żied jgħid.
Huwa spjega kif fl-opinjoni tiegħu hemm il-ħtieġa ta’ liġi tal-iffinanzjar tal-partiti, sabiex jitneħħa kull dell minn fuq il-partiti politiċi u l-politikanti. Madankollu Grech żied jgħid li l-Gvern qed jibqa’ jittrateni biex jagħmel din il-liġi, “għaliex hu għaddej tajjeb.”