Ir-rati ta’ riċiklaġġ kważi jittriplikaw matul l-aħħar għaxar snin
Tħabbar dan, WasteServ qalet li meta mqabbel mal-medja tas-snin 2010 sa 2013, Malta qed tiġġenera 31.5% inqas boroż suwed mid-djar
minn Marianna Calleja
Ir-riċiklaġġ żdied għal 266% ta’ dak li kien għaxar snin ilu filwaqt li l-użu tal-borża s-sewda naqas bi kważi terz hekk kif Malta irreġistrat numri rekord fis-settur tal-iskart.
Tħabbar dan, WasteServ qalet li meta mqabbel mal-medja tas-snin 2010 sa 2013, Malta qed tiġġenera 31.5% inqas boroż suwed mid-djar. Barra minn hekk, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, Malta rreġistrat żieda ta’ 12% fil-ġbir tal-iskart organiku fl-ewwel sitt xhur tal-2024.
Tilqa’ dawn ir-riżultati, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li dan “ir-riżultat pożittiv” huwa grazzi għall-isforz tal-pubbliku ġenerali li ta’ kuljum jibqa’ jagħżel li jissepara l-iskart tiegħu fid-djar.
“L-implimentazzjoni tal-politiki flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku qed tirriżulta f’dawn ir-riżultati pożittivi. Riżultati bħal dawn iħeġġuna biex inkomplu nimplimentaw il-pjan nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart favur prattiċi sostenibbli,” qalet Dalli.
WasteServ hija l-aġenzija nazzjonali responsabbli mill-organizazzjoni, l-ġestjoni u l-operat ta’ sistema integrata tal-immaniġjar tal-iskart. Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca qal li r-riżultati miksuba sena wara l-oħra huma xhieda tax-xogħol li qed isir.
“Huwa ċar li l-pubbliku issa jemmen bis-sħiħ fil-benefiċċji tal-immaniġġjar tal-iskart. Minkejja ż-żieda li rajna fil-popolazzjoni tagħna, l-aħħar statistika uriet li l-2023 kienet l-aqwa sena, u l-indikazzjonijiet huma li l-2024 ħa nkunu qed nirreġistraw riżultati pożittivi ukoll,” qal Bilocca.
Fi stqarrija, Wsteserv kompliet tispjega kif is-separazzjoni tal-iskart tippermetti lill-WasteServ ikollha operat iktar sostenibbli. Fil-passat l-iskart organiku kien jintefa fil-miżbliet, jiġġenera rwejjaħ, jattira l-pesti, u jiġġenera għadd ta’ impatti ambjentali negattivi oħra. Illum, is-separazzjoni tal-iskart tippermetti li l-iskart organiku jintuża bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli li jipprovdi mijiet ta’ djar b’ enerġija nadifa.
Skont l-aġenzija, dawn ir-riżultati huma attribwiti ukoll għal investimenti infrastrutturali, inkluż tliet faċilitajiet ġodda: waħda fil-kumpless ECOHIVE u oħra f ’Ħal Far, it-tnejn inawgurati s-sena l-oħra, u linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ f’Marsaskala inawgurata x-xahar li għadda. Barra minn hekk, l-aġenzija semmiet ukoll il-bidliet fil-politiki, bħall-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart u s-separazzjoni obbligatorja tal-iskart li t-tnejn ġew implimentati s-sena l-oħra, kif ukoll il-ħlasijiet ġodda għar-rimi ta’ skart kummerċjali, ukoll ikkontribwew b’ mod sinifikanti għal dawn ir-riżultati.
“Aħna ffortunati wkoll li għandna tim enerġetiku ta’ ħaddiema li huma determinati li jwasslu futur ambjentali ħafna aħjar. Ir-riżultati li qed naraw huma inkoraġġanti għall-aħħar u ninsabu determinati li nkomplu naħdmu iżjed biex inwettqu t-titjib ambjentali li ż-żgħażagħ tagħna jistħoqqilhom,” ikkonkluda Richard Bilocca.