‘Laburisti jridu bidla’: Il-messaġġ tas-soċjalisti lill-Partit Laburista
Jitkellmu mal-ILLUM, membri tal-Partit Laburista jgħidu li l-messaġġ tal-poplu huwa ċar; ‘irridu l-Partit Laburista, imma mhux jibqa’ kif inhu.’ Dan huwa li Clint Azzopardi Flores, Claudette Abela Baldacchino, u Cyrus Engerer qed jipproponu għat-tiġdid tal-partit
minn Marianna Calleja
Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, iżda mhux b’distakk komdu bħalma kellu fl-2019. It-telf sinifikanti fil-voti wassal biex il-Partit Laburista jidħol f’qoxortu, u anke meta beda jiċċelebra kien kawt. L-għajta għal “partit li jisma’ u jibqa’ umli,” dlonk bdiet, bil-Prim Ministru Robert Abela fuq quddiem iwassal il-messaġġ.
Għaldaqstant, minn wara l-kwinti l-gazzetti jafu li d-diskussjonijiet jaħarqu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista juru li l-Partit Laburista rrikonoxxa t-telf ta’ voti u qed jibża’ li d-distakk tal-elezzjoni ġenerali li ġejja tkun eku ta’ dak li għadda minnu f’Ġunju.
Għadda kważi xahar, u ż-żmien tal-valutazzjoni għadda. Bil-countdown lest biex jibda jtektek għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-gazzetta ILLUM iddur fuq esponenti, u eks esponenti tal-Partit Laburista dwar il-pass li jmiss li għandu jieħu l-partit jekk irid jiġbor lura n-nies.
Clint Azzopardi Flores jitkellem fuq bini bla rażan, nuqqas ta’ riżorsi u kuntatt man-nies
L-ekonomista Clint Azzopardi Flores, eks kandidat MEP, qal mal-ILLUM li jemmen li kien hemm bosta fatturi lil hinn mir-riżultat elettorali li bidlu lill-pajjiż.
“Qabel il-pandemija n-nies kienu diġà qed jaraw li hemm affarijiet li qed idejquhom, inkluż il-ħafna bini bla rażan, infrastruttura li kien hemm bżonnha imma għajjiet lin-nies daqskemm kienet aċċellerata, u affarijiet oħra li jnaqqsu minn ċerti kumditajiet,” beda jispjega Azzopardi Flores.
Qal li mal-ewwel kien beda jitkellem fuqhom fuq il-midja soċjali, iżda b’mod aktar sottili peress li kien Ambaxxatur.
“Mhux ngħid li ma tibdiex triq u tlestiha malajr. Imma meta tħallat il-bini bla rażan u l-infrastruttura f’daqqa, b’immaniġġjar tar-riżorsi mhux komplet in-nies jegħjew. Li hu żgur li wara l-pandemija n-nies bdew jintebħu li dawn l-affarijiet huma bżonjużi aktar mill-flus. Infatti, meta pajjiż jibda jistagħna ekonomikament, f’sens li f’qasir żmien tirdoppja l-ekonomija kif għamel il-Partit Laburista fil-gvern, in-nies jibdew ifittxu affarijiet ta’ kwalità inkluż l-ambjent,” kompla jgħid.
Spjega kif l-istess ġara fis-sebgħinijiet, meta l-Perit Dom Mintoff “tripla l-kobor tal-ekonomija, u n-nies bdew jistagħnew, u bdew ifittxu affarijiet oħra.”
“Jekk il-Partit Laburista jrid jibqa’ rebbieħ irid jintebaħ b’dan mill-aktar fis possibbli, apparti l-immaniġġjar tar-riżorsi (kapitali u umani) li ili nħambaq fuqhom sentejn.”
Idur fuq it-tieni punt tiegħu, Azzopardi Flores saħaq li l-Partit Laburista ma jistax itella’ ħitan.
“Hemm nies internament li jridu jaċċettaw il-kritika u jikbru fil-ħsieb u fl-intellett analitiku. Id-demokrazija tiddetta li jekk jien ngħid xi ħaġa ma nsibx bsaten għax inkun għidtha. Erħilha li jien personalment jekk irrid ngħid xi ħaġa se nibqa’ ngħidha b’mod kostruttiv fl-apert u internament. Però mhux kulħadd bħali,” żied jispjega.
Jitkellem dwar il-votanti Laburisti hardcore, u dawk li mhumiex, Azzopardi Flores qal li hemm livell ta’ bilanċ fin ħafna bejniethom, u dan irid jinżamm.
“Hemm ħafna xogħol xi jsir, inkluż li kulħadd jibqa’ viċin il-ħtiġijiet tan-nies. U meta ngħid viċin in-nies, li twieġeb u tkellem in-nies ta’ kuljum u tindirizza l-ħtiġijiet tagħhom. Dak li hu bid-dritt ta’ ċittadin m’għandux jispiċċa jitkarrab għalih minħabba l-burokrazija.”
Itemm il-messaġġ tiegħu jgħid li ħa gost fil-kampanja, jiltaqa’ ma’ ħafna nies, iżda fuq kollox lill-Partit Laburista Clint Azzopardi Flores qallu ħaġa waħda biss. “Bħala xellugi ngħidha. Żommu l-kuntatt magħhom.”
Abela Baldacchino tiddefendi l-PL imma tgħid li l-partit irid jifhem aħjar il-prijoritajiet tas-soċjetà
Min-naħa tagħha, l-Eks MEP Laburista Abela Baldacchino ddefendiet lill-Partit Laburista iżda qalet li l-Partit Laburista issa jrid jiffoka fuq il-futur.
“Il-Partit Laburista jibqa’ l-iktar forza politika b’saħħitha f’pajjiżna,” bdiet Abela Baldacchino, qabel ma fakkret illi f’żewġ elezzjonijiet il-PL ingħata l-fiduċja tal-maġġoranza tal-elettorat. “F’waħda minnhom saħansitra kienet maġġoranza assoluta li qabżet l-20,000 vot.”
Hija qalet mal-ILLUM li meta l-Partit Laburista jitkellem dwar il-bżonn li jkun aħjar u aqwa qed juri żewġ affarijiet; l-umiltà u l-kuraġġ tal-bidla.
“L-umiltà għax kuntrarju għal meta ħaddieħor rebaħ elezzjoni b’elf u ħames mitt vot biss u siker fl-arroganza, aħna qed nifhmu l-messaġġ li qed jibgħat l-elettorat. Messaġġ li ma jridx jibqa’ kollox kif inhu.”
Huwa hawn fejn skont Abela Baldacchino jidħol il-kuraġġ tal-bidla.
“Ġibna suċċessi kbar għal dan il-pajjiż, iżda l-istorja tgħallimna li partit politiku qatt ma jista’ jistrieħ fuq li kiseb.”
Tfakkar ukoll dwar Mintoff fis-sebgħinijiet, Abela Baldacchino tispjega kif il-moviment Laburista kien tilef il-maġġoranza tal-voti wara li għamel “riformi soċjali bla preċedent” u kiseb ukoll il-Ħelsien.
“Dan ifakkarna fil-bżonn li l-politika tkun il-ħin kollu dwar il-futur. Dwar il-fatt li Malta tal-lum mhix Malta ta’ għaxar snin ilu, u l-aspirazzjonijiet tal-votanti tal-lum mhumiex l-istess bħal dawk ta’ għaxar snin ilu.”
Qalet li hawn ġenerazzjonijiet li ma jafux kif kienet Malta ta’ qabel l-2013 u jinteressahom biss kif se tkun Malta tal-2025 u l-2030. Hija tatha xorta r-raġun lil din il-ġenerazzjoni, għax skontha l-politika dejjem għandha ddur dwar kif se jitħalla pajjiż aħjar għal uliedna.
“Mela l-Partit Laburista jrid jiffoka fuq il-futur fejn jiddiskuti u jifhem mas-soċjetà l-prijoritajiet u jindirizzahom bl-iktar mod b’saħħtu u mingħajr stennija żejda. Il-vantaġġ li dan kollu jista’ jagħmlu minn pożizzjoni b’saħħitha fejn il-poplu għadu jafdah,” Claudette Abela Baldacchino temmet tgħid.
‘Is-suċċess ta' partit xellugi jitkejjel minn kemm jimxu 'l quddiem l-iktar nies dgħajfa fis-soċjetà’
L-eks MEP Laburista Cyrus Engerer jemmen li wara analiżi oġġettiva u fattwali tar-riżultat elettorali, il-Partit Laburista għandu jabbraċċa l-ħsibijiet diversi ta' dawk in-nies fi ħdanu li huma ggwidati mill-prinċipji fl-istatut tal-partit: li għandhom ħsieb progressiv, iħaddnu prinċipji soċjalisti, li jfittxu il-ġustizzja soċjali, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u li jridu jħarsu l-ambjent.
Iċċara mal-ILLUM li hu ma jemminx li dak li jgħid huwa vanġelu, pero mill-esperjenza interna u esterna tiegħi fi ħdan il-partit seta’ jagħmel ftit osservazzjonijiet “umli intiżi biss biex imexxu 'l quddiem il-partit li skont l-istatut tiegħu,” waqt li jirrifletti t-twemmin tiegħu.
“Nemmen li fl-aħħar snin dawn kienu esklużi u l-attenzjoni kienet fuq li l-partit jagħti doża ħafna iktar partiġġjana, mimlija spin speċjalment fuq l-istazzjonijiet tiegħu, b'mentalità ta' entità taħt asseddju li temmen li kulħadd kontriha - dan iwassal għal perċezzjoni ta' Gvern arroganti li jħares l-isfel lejn dawk li huma ggwidati mill-prinċipji,” qal Engerer.
Żied jgħid li s-suċċess ta' partit xellugi jitkejjel minn kemm jimxu 'l quddiem l-iktar nies dgħajfa fis-soċjetà, “hekk kif wara kollox jgħid l-istatut.”
Qal illi filwaqt li ttieħdu numru ta' miżuri li imbuttaw 'il quddiem liż-żgħir matul l-aħħar ħdax-il sena, x-xogħol favur l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali mhux lest u ma għandu jieqaf qatt. “Il-mument li dan jieqaf, dawn il-prinċipji jibdew sejrin lura.”
Fl-aħħar nett, huwa qal li jemmem li teżisti rabja fost il-Maltin u Għawdxin dwar il-qagħda tal-ambjent u allura s-saħħa fiżika u mentali, kif ukoll fuq il-monopolju wara ż-żewġ partiti.
“Ma nistgħux nistennew iktar biex f'pajjiżna niddikjaraw ambjent san bħala dritt fundamentali tal-bniedem u biex ikollna governanza iktar miftuħa, trasparenti u rappreżentattiva - fejn il-veduti ta' kulħadd ikunu rrappreżentati f'parlament leġislatur flok estenzjoni tal-eżekuttiv.”