Il-Parlament se jiddiskuti liġi ġdida tal-OHSA nhar it-Tnejn

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar is-Sibt filgħodu illi l-proposta li ssaħħaħ l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se tkun diskussa fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar is-Sibt filgħodu illi l-proposta li ssaħħaħ l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se tkun diskussa fil-Parlament nhar it-Tnejn.  

“Il-Parlament mhux se jaġġorna għas-Sajf sakemm jgħaddi l-abbozz,” Abela qal. “F’dan is-settur se jkollna liġi totalment mibdula biex insaħħu l-ħidma tagħna għal iktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Liġi li tagħti dimensjoni ġdida u totalment differenti lil din l-awtorità,” żied jgħid il-Prim Ministru. 

L-abbozz inkwistjoni jittrata liġi mħabbra perjodu qasir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Ir-rapport kien għamel diversi rakkomandazzjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta, u dan l-abbozz se jkun qed jieħu kont tagħhom. 

Fost ir-riformi immedtjati oħra, il-Prim Ministru tkellem dwar is-sistema tal-penalitajiet biex jiżdied id-deterrent għal dawk li ma josservawx il-liġi. Dan fl-istess ħin li jiġi assigurat sistemi effettivi u li jagħtu r-riżultati malajr biex “ma tkunx worth it li tikser il-liġi. jew tintilef fil-burokrazija għax taħseb li tista’ ġġibha żewġ.”  

Ħabbar ukoll l-introduzzjoni ta’ tribunal tas-saħħa u sigurtà li jisma’ l-appelli fejn ikun hemm. Abela tkellem ukoll fuq il-kunċett obbligatorju ta’ Health and Safety Responsible Officer (HSRO) għal ċerti industriji kbar jew li huma high risk. Abela spjega kif din hi bidla li ħadd m’għandu jaraha bħala piż, iżda bżonn. “L-investiment fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema qatt m’għandha tidher bħala piż, iżda l-aqwa investiment,” huwa temm jgħid. 

 

More in Politika