L-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà f’Malta jkomplu jeħduha ras imb ras, bil-prezzijiet medji jiżdiedu b’6.7% fi spazju ta’ sena skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
L-informazzjoni hija miġbura permezz tal-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Propjetà, li huwa bbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa dwar l-indiċi ta’ appartamenti, maisonettes u djar, peżati skont il-valur tat-tranżazzjonijiet għat-tliet tipi ta’ proprjetà.
Iċ-ċifri maħruġa juru b’kollox madwar 1,400 tranżazzjoni kkunsidrati kull tliet xhur.
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Propjetà (PPI) kien ta’ 159.98, ekwivalenti għal żieda ta’ 6.7% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2023, u b’1.9% meta mqabbel mat-trimestru ta’ qabel.
Fiż-żmien mistħarreġ, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Appartamenti u l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Maisonettes kienu ta’ 160.17 u 152.59, riflessi fʼżidiet annwali ta’ 6.6 u 6.8%, rispettivament.
Fl-ewwel kwart tal-2024, il-PPI rreġistra żieda taʼ 1.9% meta mqabbel mar-rabaʼ kwart tal-2023.