Jiżdiedu t-telefonati b'talba għall-ambulanza wara s-sħana li ħakmet

Charmaine Gauci tgħid li hu obbligu ta’ kull dar tal-anzjani li taħseb għal ġeneratur bħala emerġenza f’każ li jinqata’ d-dawl ġaladarba t-temperatura mistennija tibqa’ togħla

Ritratt ta' Erika Lanzafame / Newsbook
Ritratt ta' Erika Lanzafame / Newsbook

Fejn qabel kienu jidħlu 150 telefonata kuljum għall-ambulanzi, waqt il-mewġa ta' sħana fl-2023 daħlu madwar 250 telefonata kuljum.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci tkellmet dwar dan nhar is-Sibt filgħodu fuq il-programm Andrew Azzopardi on RTK103, u stqarret li kienet impressjonata.

Qalet li minħabba l-fatt li t-temperatura mistennija tilħaq kważi 35°C, kull dar tal-anzjani hi obbligata jkollha ġeneratur għall-emerġenza f’każ li jinqata’ d-dawl.

Gauci spjegat ukoll kif il-mewġa tas-sħana li ħakmet lil Malta s-sajf li għadda, ħadet il-ħajja ta’ 80 ruħ, bi wħud minnhom “setgħu jiġu evitati.”

“L-agħar ħaġa kienet li f’ġimgħa minnhom, 44% tal-imwiet kollha seħħew f’darhom stess u lanqas laħqu missew mas-servizzi tas-saħħa,” tenniet Gauci.

Hija tkellmet fuq kif twaqqaf grupp sabiex jidentifika n-nuqqasijiet fil-pajjiż, fosthom fid-djar residenzjali, sabiex ikunu preparati aħjar għas-sajf.

Wissiet biex anzjani, tfal u annimali ma jitħallewx fil-karozza sakemm isir il-qadi. Appellat ukoll biex min għandu ġirien li jgħixu waħedhom, jagħmlu kuntatt magħhom għax b’hekk jissalvaw il-ħajjiet.

‘Kunu responsabbli jekk għandkom il-Covid’

Waqt li tindirizza ż-żieda fil-każijiet tal-Covid, Charmaine Gauci talbet lill-pubbliku biex ikun responsabbli u jagħmel kwarantina jekk ikollu l-virus.

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta MaltaToday irrapurtat li apparti li l-isptar qed ibati biex jakkomoda l-pazjenti minħabba nuqqas ta’ sodod, qed tiġi nnutata żieda ta’ każi ta’ Covid.

Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, ġie rraportat li l-ammont ta’ każi attivi tela’ għal 409 filwaqt li mietu erba’ persuni.

Spjegat li minħabba li eventwalment tlaqqmu bosta persuni, il-Covid m’għadhux perikoluż daqs kemm kien fil-bidu tiegħu, meta l-ebda persuna ma kellha immunità għalih.

Għaldaqstant żiedet tgħid li issa hemm il-varjant tal-Omicron fost varjanti oħra, u għalhekk huwa essenzjali li xorta waħda kulħadd ikun responsabbli jekk ikollu l-Covid.

Żiedet tgħid li huwa tajjeb li wieħed jagħmel test id-dar jekk iħoss xi sintomi u jkun imħasseb li għandu l-Covid.

Mistoqsija dwar it-tħassib ta’ bosta dwar l-effetti tat-tilqima, Gauci qalet li kwalunkwe` mediċina jista’ jkollha l-effetti tagħha. Qalet li huwa naturali li jkun hemm effetti sekondarji la darba l-maġġoranza tal-poplu ħa t-tilqima.

Spjegat li għad hemm nies li għadhom ibatu b’Long Covid, jew inkella għadhom taħt wieħed mill-effetti tal-Covid sal-ġurnata tal-lum.

Rigward l-influss ta’ turisti, u t-tħassib li jġibu magħhom aktar mard, Gauci kkalkulat li fil-ġimgħa qed ikun hemm madwar 800 applikazzjoni ta’ persuni li jridu jiġu screened.

Tkellmet fuq il-ħtieġa li d-dinja titgħallem mill-esperjenza tal-pandemija sabiex ma tirrepetix l-iżbalji li wettqet fil-passat.

More in Politika