Steve Ellul, li sa sena ilu kien kap eżekuttiv ta’ Project Green u ftit wara kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, ikkonferma u aċċetta li jiġi maħtur bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Infrastructure Malta flok Ivan Falzon li rriżenja mill-kariga.
Ellul, li kważi tela’ fil-Parlament Ewropew, kien meqjus bħala vuċi moderata fit-tim tal-kandidati tal-Labour għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Ellul kien ġie mitlub mill-Prim Ministru Robert Abela biex jindirizza l-problema tat-traffiku u fl-istess ħin isib mod kif jikkunsidra l-element ambjentali. Ellul, li ħadem fil-qasam tal-finanzi qabel ma daħal fil-politika, huwa magħruf għall-politika ambjentali u joffri stampa ċara li l-Partit Laburista għandu bżonn jagħti aktar każ l-aġenda ambjentali.
Ellul ser ikun qed jaffaċċja sfidi kbar fosthom il-proġett kontroversjali tal-Imsida li qed jiġi proġettat li jibda fil-futur qarib. Infatti, hemm stennija kbira għall-proġett tal-Imsida; proġett ambizzjuż li apparti li huwa maħsub li jkun parti mis-soluzzjoni għall-problema tat-traffiku, huwa wkoll mistenni li joħloq problemi estensivi meta jibdew ix-xogħlijiet. Dan, bla dubju, se jkun ta’ impatt kbir fuq it-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta.
F’diskussjoni ma’ Ellul, Robert Abela enfasizza li jrid ikun hemm aktar koordinazzjoni bejn id-dipartimenti u l-aġenziji kkonċernati. Din hi, kienet u tibqa waħda mill-ikbar kwistjonijiet tal-Gvern ta’ Abela.
Ellul bi ħsiebu jibda x-xogħol tiegħu bħala Kap Eżekuttiv fil-ġranet li ġejjin.