Id-diskors fil-konfront ta’ Chris Fearne minn Jason Azzopardi, l-eks deputat Nazzjonalista, inkwieta lil ħafna Laburisti
Azzopardi, li huwa magħruf għall-istil politiku skabruż, kixef li Fearne kien stqarr miegħu privatament li Joseph Muscat kien talbu xi affarijiet fil-kampanja tal-mexxej tal-Partit Laburista. Azzopardi, li huwa kritiku kbir tal-Partit Laburista, kien qed jitkellem waqt intervista ma’ Emy Bezzina fuq SMASH TV.
Azzopardi, li huwa wkoll l-avukat tal-grupp Repubblika u avukat ta’ bosta negozjanti kbar, qal fil-programm mal-avukat Bezzina (li għal xi snin kien l-avukat u kollega tal-faxxista Norman Lowell) li Fearne, Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, kien qallu li Muscat kien talbu li wara li jispiċċa minn Prim Ministru, Stewards kellhom jibqgħu Malta u li hu, Muscat, ikollu l-immunita`!
Muscat, f’kumment mal-gazzetta The Times, innega dan kollu filwaqt li Fearne s’issa għażel li ma jikkumentax.
Imma fi ċrieki politiċi huwa magħruf li Azzopardi kellu xi forma ta’ kuntatt ma’ Fearne.
Azzopardi, min-naħa l-oħra, huwa magħruf bħala persuna li jħarref, jesaġera u jivvinta. Huwa persuna li la huwa fdat mill-PN u wisq aktar mill-PL, u magħruf għall-mod strateġiku kif jaħdem mal-media u dawk fil-media kontra min irid jagħmel il-ħsara. Huwa wkoll responsabbli għal-leaks ta’ messaġġi minn Whatsapp bejn Yorgen Fenech u bosta nies, akkwistati bi privileġġ.
Id-diskors ta’ Azzopardi ma jidhirx li jista’ jkollu riflessjoni fuq id-deċiżjoni fil-Qorti dwar il-każ ta’ Fearne fil-proċess ġudizzjarju marbut mal-inkjesta Vella. Iżda jnaqqas l-istanding tiegħu fil-partit, fejn hemm stennija kbira għall-eżitu tad-deċiżjoni tal-Qorti jekk għandu jitkompla l-każ kriminali kontrih fil-Qorti.
Id-diskors ta’ Azzopardi huwa ċarament maħsub biex jitfa’ dell ikrah fuq Fearne u Muscat apparti li jiġi assigurat li Azzopardi jibqa ċ-ċentru tal-attenzjoni.