Iħallsu mill-pensjoni waqt li jistennew Mater Dei biex jidħlu f’Dar tal-anzjani
Anzjani mwaħħla f’Mater Dei, li qed jistennew sodda f’dar tal-anzjani jew San Vinċenz, jispiċċaw iħallsu mill-pensjoni xorta waħda
minn Marianna Calleja
L-anzjani f’Mater Dei li qed jistennew biex jidħlu f’djar tal-anzjani jew fir-residenza San Vinċenz qed ikollhom il-pensjoni mnaqqsa daqs li kieku qegħdin f’dar tal-anzjani jew San Vinċenz. Jikkonferma dan mal-ILLUM il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela li żvela wkoll li n-numru ta’ anzjani li qed jistennew huwa inqas minn 100.
“Anzjani li jidħlu fl-Isptar Mater Dei, u li wara li jingħataw il-kura meħtieġa xorta jibqgħu l-isptar għal ammont ta’ żmien, dan kollu waqt li jistennew hemm biex jidħlu f’djar tal-anzjani jew fir-residenza San Vinċenz, qed ikollhom il-pensjoni mnaqqsa daqs li kieku qiegħdin f dar tal-anzjani jew San Vinċenz,” Abela qal.
Jitkellem mal-ILLUM il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, li ħmistax ilu qal li l-iġġammjar ta’ dawn l-anzjani fis-swali ta’ Mater Dei, qed iwaħħlu lid-Dipartiment tal-Emerġenza u l-kumplament tal-isptar. Huwa qal li bħalissa hemm madwar 800 pazjent imwaħħla fil-limbu, jistennew. Din il-konġestjoni qed toħloq effett domino li jimblokka l-flus ta’ pazjenti ġodda fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Il-kriżi tal-ispazju hija tant severa li l-pazjenti li jkunu deħlin iridu jistennew lejl sħiħ sakemm xi ħadd jinħeles, qabel ma jkunu jistgħu jiddaħħlu huma.
Għaldaqstant, il-Ministru ċaħad dan u qal li hemm b’kollox 58 anzjan jistenna. Jispjega għaliex hemm dawn l-ammont ta’ nies jistennew, il-Ministru qal illi l-popolazzjoni tal-anzjani f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin kibret sostanzjalment u “dan ħalla impatt fuq it-talba għal aktar sodod f’djar tal-anzjani.”
Fuq l-istess punt, Martin Balzan kien fakkar li l-popolazzjoni qed tikber u tixjieħ. It-tensjoni fuq is-sistema, skond Balzan, ġiet aggravata mill-150,000 resident barrani, inkluż bosta anzjani rtirati mir-Renju Unit u l-Ewropa, li jagħżlu lil Malta bħala l-post tal-irtirar tagħhom.
Fuq dan, il-Ministru Abela żied jgħid li l-Gvern, tul dawn l-aħħar snin, introduċa u żied numru ta' servizzi offruti fil-komunita`, kif ukoll sar xogħol estensiv ta' restawr fuq id-Dar tal-Anzjani fil-Furjana.
“Għaddej ukoll il-proċess ta' tendering rigward il-bini mill-ġdid u r-rinovar tad-djar tal-anzjani tal-Msida u Bormla,” fakkar Abela.
Il-Ħadd li għadda, l-ILLUM żvelat li numru ta’ persuni li jaħdmu fl-amministrattiv tal-Isptar Mater Dei, bdew jiġu ppreparati sabiex jitmexxew mill-uffiċini tagħhom fl-isptar għal uffiċini ġodda fis-Swatar.
Sorsi li jaħdmu fl-isptar stess spjegaw lill-ILLUM kif il-ħsieb huwa li fil-ġimgħat li ġejjin huma jitmexxew għall-binja l-antika li kienet qabel tilqa’ l-aġenti tal-customer care tal-bank HSBC.
Sorsi oħra qalu li ma tantx ingħataw informazzjoni, iżda lilhom ukoll avżawhom li se jkunu qegħdin jiċċaqalqu "sa’ tmiem is-sajf żgur."
Dan iċ-ċaqliq hu konferma ta’ dak li l-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal mal-ILLUM ħmistax ilu.
Il-pjan tal-Isptar Mater Dei hu illi jara żieda fis-sodod, u spinta biex jonqos il-ħin ta’ stennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza permezz tar-rilokazzjoni ta’ xi servizzi wkoll.
Abela kien spjega li s-sitwazzjoni f’Mater Dei se tinnota bidliet hekk kif is-sodod jridu jiżdiedu b’600. Bħalissa, l-isptar għandu madwar 1,200 sodda.