Il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun qed iħabbar in-nomina ta’ Malta għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju Ewropew fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Sa ftit ġimgħat ilu Abela żamm il-bieb imbexxaq għall-eks Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex ikun hu n-nomina ta’ Malta minkejja li Fearne kien jinsab fost dawk mixliha b’misapproprjazzjoni u li għamel gwadann frawdolenti billi abbuża mill-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-konċessjoni tal-isptarijiet Vitals.
L-Erbgħad filgħodu l-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed evidenza biex Chris Fearne, 13-il persuna oħra jgħaddu għal proċess ta’ ġuri b’konnessjoni mal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lill-privat.
Id-digriet tal-Maġistrat Leonard Caruana f’awla anzjuża kien mistenni li jkollha ramifikazzjonijiet kemm politiċi u legali, inkluż li itemm għal kollox it-tamiet ta’ Fearne li jiġi nnominat bħala rappreżentant ta’ Malta.
Il-Ħadd li għadda l-ILLUM żvelat kif il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri huwa interessat biex ikun hu n-nomina minflok Fearne, flimkien ma’ Miriam Dalli u Owen Bonnici, li wkoll urew l-interess tagħhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi wkoll dwar jekk il-pożizzjoni tal-eks ministru Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali għadhiex tenibbli. Abela ddefenda lil Scicluna billi spjega li dan l-irwol huwa wieħed senssitiv u Scicluna “bħala raġel t’integrità kbira u li ħadem qatigħ għall-pajjiż, dejjem ġab l-interess nazzjonali l-ewwel.”
Qal li Scicluna huwa kapaċi jasal għad-deċiżjoni korretta u hawn fejn irrefera għar-riżenja tal-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u r-riżenja ta’ Ronald Mizzi minn Segretarju Permanenti.
Qal li jemmen li l-interess nazzjonali u l-interess tal-industrija li jħares Scicluna se jipprevali.