Ryan Fava: 'L-Enemalta allokat 55 miljun għat-tisħiħ tal-elettriku'
Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Ryan Fava, Chairman tal-Enemalta, fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija f’pajjiżna
minn Staff Reporter
Malta għandha biżżejjed ġenerazzjoni?
Enemalta għandha biżżejjed sorsi ta’ ġenerazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha. Qed nitkellmu fuq kapaċità ta’ 860MW. Dan jiġi minn sorsi differenti, li nsejħulha energy mix u tuża erba’ sorsi differenti. Dawn huma l-interconnector li jgħaqqad lil Malta mal-grid Ewropew, il-powerstation ta’ Delimara magħrufa bħala D3, il-powerstation ta’ Delimara magħrufa bħala D4, u l-pannelli tax-xemx.
Għaliex allura żidtu impjant ieħor?
L-Enemalta tħaddan il-prinċipju ta’ N-1, li tfisser li tuża kemm tuża impjanti ta’ ġenerazzjoni, irridu li dejjem ikun hemm kapaċità żejda. Bħalissa l-pajjiż qed jipprepara għat-tieni interconnector. Sakemm jitlesta dan, ħassejna li għandu jkun hemm soluzzjoni temporanja f’każ li jintilef xi sors ta’ ġenerazzjoni. Dan l-impjant t’emerġenza għal daqstant jintuża biss f’każ ta’ ħtieġa biex il-konsumaturi jibqgħu jirċievu l-provvista, sakemm il-ħsara li tkun inqalgħet tiġi riżolta. L-impjant temporanju se jżid il-kapaċità b’60MW u se jintuża biss f’każ li wieħed mis-sorsi prinċipali ma jkunx għad-dispożizzjoni tal-kumpanija.
L-impjant temporanju għandu x’jaqsam mal-qtugħ ta’ dawl li qed ikollna?
Le. Il-qtugħ ta’ dawl li qed nesperjenzaw huwa frott ta’ ħsarat li qed jiżviluppaw f’partijiet partikolari tan-network meta jkollok mewġiet ta’ sħana. Il-qtugħ ta’ dawl huwa relatat mas-sistema ta’ distribuzzjoni fejn hemmhekk l-Enemalta għaddejja bi pjan ta’ tisħiħ multimiljunarju fuq kull livell. Il-ġenerazzjoni hija minn fejn jiġi ġġenerat l-elettriku; id-distribuzzjoni hija s-sistema li bih dak l-elettriku jintbagħat għand id-djar u n-negozji. Permezz ta’ cables taħt l-art, l-elettriku jimxi mill-power station għaċ-ċentri ta’ distribuzzjoni li jqassmu lis-substations. Mis-substations jitwassal għand il-konsumaturi.
Biex insaħħu dan in-network, din is-sena waħedha diġà tqiegħdu 82 kilometru ta’ cables taħt l-art u saru 32 substation ġdida. Sar xogħol fuq 36 transformer f’substations u sar il-bdil ta’ 22 switchgear f’substations differenti. Fl-ewwel fażi ta’ dan l-investiment sar xogħol fiż-żoni ta’ Wied il-Għajn, il-Kalkara, Bormla, Birgu, iż-Żurrieq, Ħal Safi, Ħal Kirkop, Ħal Far, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Luqa, ir-Rabat, il-Mosta u n-Naxxar. F’Għawdex saru xogħlijiet fil-Qala, f’Ta’ Sannat, fin-Nadur, fix-Xlendi u f’parti minn Marsalforn.
Fit-tieni fażi tax-xogħlijiet li bdiet diġà se jsir xogħol mill-Marsa għas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, Ħaż-Żabbar u Ricasoli, San Ġwann, San Ġiljan u l-Gżira, Tas-Sliema u Ħ’Attard, Birkirkara, il-Ħamrun u Santa Venera, il-Fgura, il-Mellieħa, Buġibba u l-Qawra f’Malta. Filwaqt li f’Għawdex tkompla x-xogħol f’Marsalforn u x-Xagħra, u se jsir xogħol ta’ rinfurzar fl-inħawi tal-Għarb, Ta’ Kerċem, l-Għasri, San Lawrenz u r-Rabat.
Bejn l-2022 u l-2023, saru 80 substation ġdida, 18km ta’ Medium Voltage Reinforcements, 44 switchgear replacement, 22 transformer uprate u 145 feeder fost oħrajn.
Ma’ dawn kien hemm estensjoni taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni f’Marsaskala, fl-Imrieħel u f’Ħal Tarxien. Bħala parti minn fażi oħra ta’ investiment fid-distribuzzjoni se jsiru ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fis-Siġġiewi u fin-Naxxar.
L-Enemalta tirringrazzja lill-ħaddiema tagħha, mit-tim maniġerjali għat-tekniċi u l-ħaddiema li jkunu barra fuq il-lant tax-xogħol għax bid-dedikazzjoni tagħhom qed jirnexxilna nimplimentaw il-pjan li wegħedna.
Dan kollu ma jikkuntrastax mal-użu tal-generators?
Lanqas xejn. Il-generators huma għodda li l-Enemalta tuża normalment f’każijiet fejn ikun qed isir xogħol ta’ manutenzjoni f’substation jew ċentru ta’ distribuzzjoni biex, sakemm għaddej ix-xogħol, il-konsumaturi jkollhom provvista tal-elettriku. F’każijiet ta’ ħsara f’cable taħt l-art, qed jintuża l-istess kunċett. Ħafna drabi, u anke grazzi għal xogħol ta’ rinfurzar li qed isir, meta tinqala’ ħsara f’xi cable, l-Enemalta taqleb il-konsumaturi fuq sors ieħor u l-ħsara tkun tista’ titranġa. Però, mhux kullimkien hemm din il-possibbiltà għalissa. Allura, sakemm dik il-ħsara titranġa, il-generator jintuża biex jagħti l-enerġija lis-substation u s-substation tgħaddi l-elettriku lin-nies.
X’jiġri f’każijiet ta’ low voltage?
Is-sistema ta’ low voltage huwa dak il-vultaġġ li jasal fir-residenzi u n-negozji tagħna, jiġifieri dak ta’ 400V (three phase) u 230V (single phase).
Meta l-Enemalta tesperjenza każijiet ta’ qtugħ fuq livell ta’ vultaġġ baxx, għandha gruppi ta’ nies dedikati fuq din is-sistema. Meta dan iseħħ, dawn it-timijiet jiskattaw proċess biex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet. Ir-residenti ta’ kull lokalità jkunu mqassma fuq numru ta’ feeders differenti f’ammonti iżgħar.
Hawnhekk ukoll għandna investiment ta’ tisħiħ għaddej biex l-Enemalta dejjem treġġa’ lura s-servizz fl-iqsar ħin possibbli.
Id-dawl se jibqa’ jinqata’?
Kwalunkwe infrastruttura tirrikjedi manutenzjoni u tisħiħ kontinwu.
L-Enemalta għaddejja minn proċess fejn, għal din is-sena waħedha, ġew allokati €55 miljun biex ikun jista’ jsir it-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni kemm għall-immedjat, kif ukoll għas-snin li ġejjin. Kif ġie spjegat qabel, l-Enemalta tħaddan il-prinċipju ta’ N-1, u f’dan il-każ, substation ikollha żewġ sorsi.
Dan jagħmilha iktar faċli biex l-inġiniera li jkunu fil-control room fil-Marsa, f’każ ta’ ħsara, ikunu jistgħu jużaw cables alternattivi biex jerġgħu jipprovdu l-elettriku lill-konsumaturi milquta. Qiegħda wkoll tiġi implimentata sistema ta’ automation fis-substations. Dan huwa proġett fejn la darba tiġi identifikata ħsara fuq cables ta’ vultaġġ għoli, l-Inġiniera mill-control room ikunu jistgħu jeqilbu lill-konsumaturi fuq sorsi oħra mingħajr il-ħtieġa li inġinier fiżikament imur fil-post. Dan iżid l-effiċjenza u jnaqqas il-ħin li l-konsumaturi jkunu mingħajr provvista.