Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-kuntratt tal-inċineratur tal-Magħtab biex jara jekk dan kisirx il-prinċipji tal-governanza tajba.
F’Ottubru tas-sena l-oħra, il-konsorzju Paprec Energies International-BBL Malta, li jinkludi l-kumpanija Bonnici Brothers Ltd, rebaħ l-istatus ta’ "recommended bidder" b’offerta ta’ €600 miljun. Madankollu, id-Deputata Nazzjonalista Eve Borg Bonello allegat li kien hemm leak ta’ informazzjoni finanzjarja tal-offerenti, li setgħet tawgura vantaġġ inġust għal xi kumpaniji.
Kważi sena wara li saret it-talba, ħames Deputati Nazzjonalisti kitbu lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, fejn semmew li waħda mill-kumpaniji li tilfet it-tender ressqet appell li ġie milqugħ mill-Qorti din is-sena, li wassal biex Wasteserv tirrevedi d-deċiżjoni tagħha.
Id-Deputati Darren Carabott, Graham Bencini, Claudette Buttigieg, Rebekah Borg, u Eve Borg Bonello, elenkaw diversi suspetti u irregolaritajiet fuq il-proġett enormi li jinvolvi numru ta’ fondi pubbliċi. Huma qalu li l-proċess tat-tender kien irregolari u allegaw li waħda mill-kumpaniji li bbenefikat mit-tender kienet fil-kummerċ mal-Prim Ministru u ngħatat diversi direct orders minn entitajiet governattivi.
Huma ilmentaw ukoll li l-flus fuq il-konsulenzi ntefqu għalxejn minħabba l-annullament tal-proċess, u staqsew kif qed jiġi indirizzat l-impatt tal-inċineratur fuq il-Marsa u jekk dan l-impatt hux se jinfirex ukoll fil-Magħtab.
Id-Deputati talbu wkoll li jiġi eżaminat jekk il-proċess tal-entitajiet governattivi u tal-Ministeri kisirx il-prinċipji tal-governanza tajba u kontabbiltà, jekk id-deċiżjoni dwar il-proġett kinitx fl-interess pubbliku, jekk l-ERA użatx id-diliġenza meħtieġa meta ma oġġezzjonatx għall-bini tal-inċineratur, u jekk hemmx aspetti oħra tal-proċess li għandhom jiġu investigati.