F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg nediet l-ewwel strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Din l-istrateġija saret b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea fi programm li kien kofinanzjat mill-fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-istrateġija flimkien mal-pjan ta’ azzjoni huma msejsa fuq ħames pilastri li jipprovdu għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar uman, għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin kif ukoll għall-appoġġ għall-vittmi ta’ din il-kriminalità organizzata minn ċrieki ta’ kriminali.
Hija spjegat li fl-aħħar tliet snin, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari wettaq diversi inizjattivi ta’ bini tal-kapaċitajiet bi programmi ta’ taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi u kampanji ta’ għarfien għall-pubbliku li wkoll jista’ jgħin biex tkun miġġielda din il-kriminalità.
Semmiet ukoll kif fl-aħħar ħames snin ġew identifikati mal-50 persuna vittma ta’ traffikar uman, fosthom tliet Maltin. Qalet li l-każijiet l-aktar komuni f’Malta huma assoċjati mat-traffikar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni u każijiet ta’ sfruttament fis-suq tax-xogħol.
Is-segretarju parlamentari saħqet li l-gvern ta prova tad-determinazzjoni tiegħu li jikkumbatti din il-kriminalità billi fl-2018 emenda l-liġi biex żied il-pieni minn minimu ta’ erba’ snin għal sitt snin ħabs għal minn jinstab ħati ta’ traffikar u diġà kien hemm sentenzi fil-qorti li jirriflettu dan.
Is-segretarju parlamentari tenniet li l-impenn tal-gvern f’din il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bniedem se tkompli tiżdied b’din l-istrateġija, b’azzjonijiet leġislattivi u amministrattivi li ser ikunu qegħdin jitwettqu fis-seba’ snin li ġejjin. Għal dan il-għan twaqqaf kumitat inter-ministerjali li ser ikun qiegħed iwettaq azzjonijiet meħtieġa, isegwi l-implimentazzjoni tal-istrateġija u jara li pajjiżna ikollu l-aħjar prattiċi f’dan il-qasam kemm biex isir ġustizzja mat-traffikanti u kemm biex tingħata l-għajnuna li jkun hemm bżonn lill-vittmi tat-traffikar.