'B’Micallef bħala deputat mexxej, il-PL jitlef l-elezzjoni żgur' – Ministri tal-Gvern

Ministri tal-Gvern ta’ Robert Abela li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu li l-preżenza ta’ Jason Micallef fil-Partit bħala Deputat Mexxej tista’ twassal għal telfa żgura

Jason Micallef, l-attivist Laburista żbukkat li kien ġie imwarrab minn Joseph Muscat meta sar mexxej tal-Partit Laburista, ta bidu għal terremot sħiħ fil-Partit Laburista wara d-deċiżjoni tiegħu li jpoġġi ismu bħala kandidat għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

L-Istatut kien inbidel fl-2020 biex il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit timtela biss minn persuni li mhumiex ministri jew deputati parlamentari. Issa hemm il-ħsieb li l-istatut jerġa’ jinbidel għal darb’oħra biex iħalli persuni mill-grupp parlamentari li jkunu jistgħu jkunu f’din il-kariga. Minkejja kollox hemm il-konvinzjoni ta’ ħames ministri tal-Gvern ta’ Robert Abela li tkellmu mal-gazzetta ILLUM li l-preżenza ta’ Jason Micallef fil-Partit bħala Deputat Mexxej tista’ twassal għal telfa żgura u kbira għall-PL fl-elezzjoni parlamentari li jmiss.

Apparti li huwa fatt magħruf li Micallef ma jarax għajn m’għajn ma’ Robert Abela. F’intervista mal-ġurnalista Tim Diacono, Abela għamilha ċara li l-Partit irid nies li jmexxuh ’il quddiem u mhux lura. 

Micallef jidher li għandu l-appoġġ ta’ Joseph Muscat, l-Eks Prim Ministru Laburista li bħalissa għaddej minn proċeduri kriminali minħabba akkużi serji ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-każ tal-Isptarijiet Pubbliċi mogħtija lil Vitals u Stewards. Dan biss ikompli jikkontribwixxi għall-kriżi fil-PL, u jagħti aktar enerġija lill-PN li jaqblilhom li Micallef jieħu din il-kariga. 

Micallef hu wieħed mill-iktar Laburisti voċiferi u kkunsidrat bħala ‘old labour’ u li jiddefendi apertament lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, minkejja li l-akkużi li qed isiru fil-konfront ta’ Muscat li jikxfu l-moħħ makakk ta’ Muscat u oħrajn li kienu qed jaġevolaw barranin bħal Vitals u Stewards fl-akkwist tal-isptarijiet pubbliċi, biex fl-aħħar mill-aħħar skont l-akkużi li hemm kontra Muscat jakkwista hu personalment flimkien ma’ ħaddieħor.  

Ironikament kien Muscat stess li fl-2008 beda jwarrab nies bħal Micallef u Manwel Cuschieri li kienu f’għajnejh problema għall-vot moderat. 

F’għajnejn Abela u l-ħafna moderati, il-preżenza ta’ Micallef hija garanzija li l-PL lanqas jibda mal-PN, li minkejja l-limitazzjonijiet tiegħu qed javvanza fis-sondaġġi li qed isiru wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fejn rajna tnaqqis serju fl-appoġġ elettorali għall-PL. 

Meta mistoqsi f’intervista mal-gazzetta Illum fuq il-fatt li hawn min qed jgħid li l-kandidatura tiegħu bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista twassal għal telfa sikura għall-PL, Micallef stqarr: B’kull rispett. Jien għal kariga waħda qed nikkontesta ta, mhux għall-karigi kollha f’daqqa tal-PL.”  

Fl-intervista ppublikata llum, Micallef jgħid fost oħrajn li għandu relazzjoni tajba ma’ Abela.

More in Politika