Li jkollok kelb ta’ razza bully bla pedigree issa llegali

Iħabbar dan, il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo assigura lis-sidien attwali ta’ klieb tar-razza bully li mhumiex se jiġu affettwati minn din il-leġiżlazzjoni

It-trobbija u l-bejgħ ta’ klieb tar-razza bully, kemm puri u anke mħallta, mingħajr pedigree, issa hu illegali.

Dan ġie mħabbar mill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali f’konferenza stampa t-Tlieta filgħodu indirizzata mill-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Taħt il-liġi l-ġdida, it-trobbija, ix-xiri, il-pussess u r-reklamar ta’ klieb tar-razza bully mhux pedigree se jkunu illegali, b’multa amministrattiva ta’ €1,000 għal dawk li jagħmlu l-ewwel reat, u li qabel li ma kellhomx ksur tal-benessri tal-annimali.

Fl-ewwel kundanna persuna teħel multa ta' mhux inqas minn €2,000 iżda mhux aktar minn €65,000, jew priġunerija għal tliet snin, jew it-tnejn. Fit-tieni kundanna jew wara, persuna teħel multa ta' mhux inqas minn €6,000, iżda mhux aktar minn €80,000, jew priġunerija għal tliet snin, jew it-tnejn.

Ir-regoli l-ġodda għandhom jiġu infurzati erba' xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom

Il-Ministru nhar it-Tlieta assigura lis-sidien attwali ta’ klieb tar-razza bully li mhumiex se jiġu affettwati minn din il-leġiżlazzjoni.

Skont il-liġi l-ġdida, nies li qed ifittxu li jixtru jew jadottaw kelb tar-razza bully jistgħu jagħmlu dan biss minn klabb rikonoxxut. Il-leġiżlazzjoni proposta timmira wkoll li tistabbilixxi u tiddefinixxi r-rwol tal-kennel clubs u l-informazzjoni li dawn jeħtieġ li jżommu meta jirreġistraw u joħorġu pedigree.

Id-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali jkun obbligat li jżomm lista ta’ kennel clubs reġistrati.

Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu wkoll definizzjoni ta’ ċertifikat ta’ pedigree bħala rekord dokumentat, irreġistrat ma’ klabb tal-kenn, li jagħti dettalji dwar in-nisel ta’ kelb, li ħafna drabi ġej minn razez speċifiċi mrobbija biex juru attributi fiżiċi partikolari.

More in Politika