Leonid McKay jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista

Leonid McKay jinħatar fl-irwol il-ġdid tiegħu jum biss wara li Randolph De Battista ħabbar ir-riżenja tiegħu bħala kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista 

Leonid McKay se jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista wara r-riżenja ta’ Randolph De Battista.

Fi stqarrija nhar il-Ġimgħa, jum biss wara li De Battista ħabbar ir-riżenja tiegħu, il-PL ħabbar li McKay se jieħu postu. 

McKay kien inħatar Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus f’Marzu li għadda, wara li l-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia għaddhiet  lill-aġenzija minn skrutinju dwar l-immaniġġjar ħażin u l-monitoraġġ tal-permessi tax-xogħol maħruġa lil ċittadini barranin.

Fl-2022, inħatar CEO tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC).

Gradwat fis-soċjoloġija u l-politika soċjali, McKay inħatar direttur tal-Caritas fl-2014 u okkupa l-irwol sal-2018 meta nħatar kap eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.

Il-PL irringrazzja lil Randolph De Battista tal-ħidma tiegħu bħala CEO.

Intant, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu wara l-ħatra fejn qal li McKay żgur li se jkun qed jagħmel xogħol tajjeb fil-partit.

More in Politika