Dalli tiċħad li qed tkun ta' xkiel għal Micallef sabiex tinħatar għal terminu ieħor f'Brussell

Helena Dalli tiċħad fuq il-midja soċjali illi qed tagħmel l-aħħar sforzi biex tinħatar għal terminu ieħor • Esponenti Laburisti jinsistu li Ursula von der Leyen stess qed tagħfas lill-Gvern Malti biex jinnomina lil Dalli

Il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli ċaħdet fuq Facebook illi qed tagħmel l-aħħar sforzi biex tinħatar għal terminu ieħor.

“Għandi l-esperjenza kollha meħtieġa ta’ ħajti fil-politika, biex ninduna minn fejn jorriġinaw rapporti nfondati bħal dawn u x' inhu l-għan tagħhom,” qalet il-Kummissarju.

It-Tlieta l-ILLUM irraportat kif , sorsi qrib il-PL qalu li Dalli qed tissielet biex bażikament issalva l-karriera Ewropea tagħha. Spjegaw kif Dalli qed tkun minn ta’ quddiem sabiex tagħmel il-bsaten fir-roti għal Micallef.

Min-naħa tagħha, Dalli qalet li se tibqa’ taħdem fl-interess tal-pajjiż, u qatt ma tinżel f’livell baxx.

“Għalkemm, hemm limitu għal kollox u mhux dejjem tista tħalli il-qerq għaddej,” hi temmet tgħid.

Dak li kien irraportat mill-ILLUM

Il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jinnomina lil Glenn Micallef, ex kap tas-segretarjat tiegħu, għall-kariga f'Brussell, iżda din l-għażla qajmet kritika u tensjonijiet kemm f’Malta kif ukoll fl-istituzzjonijiet Ewropej. Dan minkejja l-pressjoni minn Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex il-gvern Malti jinnomina mara minflok jew ma’ Micallef.

Sorsi mill-Kummissjoni Ewropea qalu lill-midja fl-aħħar jiem li Von der Leyen għamlet minn kollox biex tiżgura aktar nisa f'pożizzjonijiet ta' kummissarji, u qed tiffoka fuq pajjiżi bħal Malta li skont hi “għadhom ma għadhomx konformi ma’ din l-inizjattiva.”

Hawn fejn il-longa manus tal-eks chief of staff Keith Scembri, Neville Gava, sostna illi Von der Leyen qed tagħfas lil Malta biex terġa' tinnomina lil Helena Dalli.

Madankollu, sorsi qrib il-PL qalu li Dalli stess qed tissielet biex ssalva l-karriera Ewropea tagħha. Spjegaw kif Dalli qed tkun minn ta’ quddiem sabiex tagħmel il-bsaten fir-roti għal Micallef billi tagħfas il-kritika fuq Micallef, li għandu esperjenza kbira fuq affarijiet Ewropej iżda mhux esperjenza politika. Din l-istess kritika poġġitu fil-mira ta' dubji fost il-Membri Parlamentari Ewropej u għal bosta osservaturi, il-kandidatura tiegħu qed tkun meqjusa bħala żvantaġġ għall-ambizzjonijiet ta' Malta f’Brussell.

Minkejja li hija Kummissarju għall-Ugwaljanza, portafoll spiss meqjus bħala limitat, Dalli fittxet pożizzjonijiet oħra fl-aħħar sena, bħall-Presidenza ta' Malta iżda hi kienet injorata. Issa, biċ-ċans ta’ terminu ieħor f’Brussell, Dalli qed tuża l-kuntatti tagħha fil-Kummissjoni biex tipprova tissostitwixxi ruħha ma’ Micallef.

Min-naħa l-oħra, Abela jidher determinat li ma jċedhiex għal din il-pressjoni.

Jekk Malta ma tirnexxix issostni l-kandidatura tagħha, il-pajjiż jista’ jsib ruħu bi portafoll żgħir u bla influwenza, kif ġara qabel ma’ Helena Dalli.

More in Politika