'Il-Qriema spiċċaw f'labirint': Tliet hot zones għat-traffiku jinqalgħu fl-istess żmien

Il-Qriema mweġġgħa, irrabjati u ma jistgħux jifhmu kif sfaw “taħt assedju ta’ kostruzzjoni, bla organizzazzjoni.” Residenti, għaqdiet u kunsilliera jitkellmu mal-ILLUM wara li f’Ħal Qormi jinqalgħu tliet ‘hot zones tat-traffiku’ minn entitajiet tal-Gvern fl-istess waqt

L-aħħar ftit ġimgħat raw lil Ħal Qormi jinbidel f’sit wieħed ta’ ġebel, tifrik, traffiku u inkonvenjenza. Dan wara li numru ta’ proġetti infrastrutturali nbdew simultanjament madwar il-lokalità, kemm fin-naħa ta’ San Ġorġ u anke fin-naħa ta’ San Bastjan.

Din is-sitwazzjoni wasslet għal rabja qawwija fost il-Qriema, li ilhom iħossu l-piż ta' traffiku esaġerat, kundizzjonijiet perikolużi, u nuqqas ta’ komunikazzjoni għal snin, “iżda issa żżejjed kollu żejjed.” 

L-ILLUM niżlet fit-toroq dojoq tal-belt ta’ Pinto u anke t-toroq usa’ prinċipali li fihom qed iseħħ ix-xogħol u tkellmet ma’ dawk l-aktar milquta.  

“Imwaħħlin mis-7am sas-7pm, kuljum preċett.” 

Fost dawk li tkellmet magħhom l-ILLUM kien hemm ġuvni li ta’ kuljum joħroġ biex imur ix-xogħol bil-karozza. Huwa qal li ma setax jifhem kif triq li s-soltu taqsamha f’ħakka t’għajn saret tieħu 5 minuti. 

“Qatt mhu se nieħdu r-ruħ,” qal il-ġuvnott waqt li spjega kif is-sitwazzjoni fejn iż-żona tar-roundabout tal-vittmi tal-gwerra minn dejjem kienet ħażina, imma issa saret gravi. 

Traffiku f'Ħal Qormi kaġun tal-kummerċ fiż-żoni tal-madwar. Ritratt ta' Jerome Caruana Cilia.
Traffiku f'Ħal Qormi kaġun tal-kummerċ fiż-żoni tal-madwar. Ritratt ta' Jerome Caruana Cilia.

Iż-żona speċifika li tissejjaħ wkoll “tal-imgħallaq”, hija roundabout li tqabbad lil Ħal Qormi ma’ Ħaż-Żebbuġ, Luqa u Marsa. Minkejja x-xogħol li sar fiha fil-passat, minn dejjem kienet sors ta’ konġestjoni tat-traffiku. “Issa għalqu parti mir-roundabout, u ġejna agħar,” spjega l-ġuvnott, “trid tmur il-PAVI, terġa’ tinżel fl-istess triq” kompla jgħid. 

“Ma ninsewx li l-kummerċ żdied ħafna specjalment lejn il-PAVI, jigifieri hemmhekk diġà kien żgombru,” qal ġuvni ieħor f’messaġġ lill-ILLUM. “Tista’ timmaġina issa x’qed jiġri. Diżastru sħiħ meta jkun kollox kalm. Kulma jonqos huwa aċċident f’din l-akkwata. Niggarantilek li jekk taħseb fis-7am u ssib ħabta għandek siegħa jekk tkun b’xortik tajba biex toħroġ minn Ħal Qormi biss. Mhux nesaġera.”  

L-istess rabja kienet riflessa f’rakkonti oħra, fejn residenti saħqu fuq in-nuqqas ta’ pjanijiet xierqa u ħsieb minn qabel. “Il-kummerċ qed jiżdied, it-traffiku ġġammjat, u l-awtoritajiet ma jidhirx li qed jagħtu kas,” jgħid ħaddieħor b’dispjaċir. 

“X’ma jkunx hawn aċċidenti?” 

Fl-istess waqt, entitajiet differenti tal-Gvern bdew b’xogħol fejn il-knisja ta’ San Sebastjan, u anke fejn l-iskola primarja ta’ San Ġorġ. Fil-post tal-aħħar, biswit ħanut tal-ħobż frekwentat mhux ħażin, seħħ aċċident propju din il-ġimgħa li ħalla vittma mara ta’ 77 sena. 

 Aċċident, li ħalla vittma mara ta’ 77 sena, ‘setgħa kien evitat,’ skont Qriema resident viċin. Ritratt minn Facebook
Aċċident, li ħalla vittma mara ta’ 77 sena, ‘setgħa kien evitat,’ skont Qriema resident viċin. Ritratt minn Facebook

L-ILLUM tkellmet ma’ xi anzjani dakinhar stess tal-inċident u staqsiethom dwar is-sitwazzjoni. “Lanqas barriers kif suppost m’għamlu,” qal wieħed bejn nifs ta’ sigarru u ieħor. “Alla biss jaf x’se jiġri la tibda l-iskola,” qal nannu, qabel ma spjega li bintu għandha tfal żgħar u jinkwieta għalihom mhux ftit. 

Kollha qallu li qed jgħixu f’ansjetà li jseħħ inċident fejn il-knisja ta’ San Sebastjan, ftit passi ’l bogħod minn skola oħra li fiha għaddejja Skola Sajf. 

Xogħol li qiegħed isir bħalissa fejn il-Knisja ta’ San Sebastjan qiegħed jinkwieta ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom fl-iskola passi ‘l bogħod. Ritratt tal-Kunsill Lokali
Xogħol li qiegħed isir bħalissa fejn il-Knisja ta’ San Sebastjan qiegħed jinkwieta ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom fl-iskola passi ‘l bogħod. Ritratt tal-Kunsill Lokali

“Qed ikissru kulm’hemm. Meta titkellem jgħidulek ħalli ma nitilfux il-fondi tal-Unjoni Ewropea,” qalet residenta.  

Anzjan ieħor fl-istess pjazzetta spjega li l-aktar li dejqitu mhux li qed isir ix-xogħol, “għax dak irid isir,” iżda qed jiddejjaq li nqala’ f'daqqa, u jekk qabel kellhom triq alternattiva minn fejn joħorġu, bħalissa “l-Qriema spiċċaw f’labirint.” 

“Imsakkrin f’gaġġa trab”. 

Ħal Qormi, magħruf għall-komunità vibranti tiegħu, issa jinsab mgħaddas f’ambjent ta’ kaos u trab. Titkellem mal-ILLUM, mara li ilha tgħix Ħal Qormi 30 sena, rabbiet lil uliedha fl-istess lokalità. 

“Dejjem konna kuntenti għax tinqeda minn kollox u post ċentrali.” Madankollu, dawn l-aħħar snin raw bidla kbira. “Qed inħossni ngħix f’gaġġa, u minn Ġunju ’l hawn, gaġġa fit-trab u l-ġenn!” Hija ddeskriviet kif il-vjaġġi qosra madwar il-lokal qed jieħdu aktar ħin milli suppost. “Immur nixtri, iddum siegħa fil-karozza sakemm nasal id-dar minn Ħal Qormi għal Ħal Qormi.” 

Ir-residenti wkoll esprimew tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà li qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Boroż suwed imxerrda mat-toroq, bini dejjem jiżdied u rwejjaħ qawwija ta’ dranaġġ. “Kollox qed jinqered,” tgħid mara oħra, “kull rokna hawn maqlugħa, u l-ambjent diżastru, qas pulmun m’għandna.” 

Is-Sindku Josef Masini Vento: “Il-maġġoranza tax-xogħol se jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru.” 

Titkellem mas-Sindku ta’ Ħal Qormi, Josef Masini Vento, il-gazzetta ILLUM saret taf illi l-proġetti huma ta’ entitajiet differenti. 

Fil-każ tal-proġett fejn ir-roundabout tal-vittmi tal-gwerra, il-proġġett qiegħed iseħħ min-naħa tal-Infrastructure Malta. “Kien bżonjuż, kien ilu biex iseħħ 60 sena. Qed jinbidlu s-sistemi tad-dawl, l-ilma u d-dranaġġ,” spjega s-Sindku. 

Huwa qal li l-Kunsill Lokali kellu bosta laqgħat mal-mexxejja ta’ Infrastructure Malta sabiex jipprovaw isibu l-aktar mod effiċjenti biex isir il-proġett mill-aktar mod fis bl-inqas inkonvenjent. 

Il-Kunsill Lokali f’laqgħa ma’ Enemalta, wieħed mill-entitajiet li qed jaħdmu fuq il-proġett li qed isir ta' emerġenza minn Ħaż-Żebbuġ sal-Marsa. Ritratt tal-Kunsill Lokali
Il-Kunsill Lokali f’laqgħa ma’ Enemalta, wieħed mill-entitajiet li qed jaħdmu fuq il-proġett li qed isir ta' emerġenza minn Ħaż-Żebbuġ sal-Marsa. Ritratt tal-Kunsill Lokali

“Ma stajniex nagħlqu mod ieħor, iżda f’dak il-proġett IM wegħduna li x-xogħol kollu jkun lest qabel ma tibda l-iskola.” 

Fil-każ tal-proġett ta’ fejn il-Knisja ta’ San Sebastjan, is-Sindku spjega li dak seħħ fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali b’kollaborazzjoni mal-entitajiet tal-Gvern. “Se nagħmluha aktar aċċessibbli għall-mixi. Kien ilu mwiegħed, imma se jsir tisbiħ fiż-żona minkejja xi intoppi li ltqajna magħhom,” kompla jispjega Masini Vento. 

Fil-każ tal-proġett fejn l-iskola ta’ San Ġorġ, Masini Vento qal li l-Kunsill qiegħed f’kuntatt mal-Water Services li qegħdin jaħdmu fiż-żona. Qal li skont dak pjanat, dan il-proġett se jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru wkoll. 

More in Politika