Il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela qed jesperjenza problema akuta biex isib persuni tajbin li huma lesti jaċċettaw jaffrontaw sidirhom u jmexxu aġenziji jew entitajiet. Dan għaliex ħafna minnhom mhumiex lesti biex ikunu l-mira ta’ attakki kontinwi mill-Oppożizzjoni, jew li jispiċċaw PEPS (Politically Exposed Persons).
Apparti hekk, jidher li hemm esperjenzi ripetuti, ta’ każijiet fejn persuni magħżula biex imexxu entità ġew abbandunati minn Kastilja jew inkella akkużati pubblikament b’falliment meta ħafna drabi ma kienx it-tort tagħhom.
Fost in-numru ta’ kapijiet eżekuttivi jew chairmen li qed jirriżenjaw, minkejja l-pagi pjuttost tajba tagħhom, hemm Ivan Falzon ta’ Infrastructure Malta u issa Mark Sammut mill-PBS. Fost it-tgergir, hemm il-mistoqsija ta’ ħafna, dik jekk hux sewwa li jaċċettaw li jieħdu l-irwol sentejn qabel elezzjoni ġenerali fejn qed jingħad il-Partit Laburista mhux se jsibha faċli biex jirbaħ lill-Partit Nazzjonalista.
Biex isolvi din il-problema Robert Abela lest imur kontra dak li kien stqarr pubblikament f’Novembru 2020 meta kien qal li hu ma jaqbilx li l-kapijiet eżekuttivi jkomplu jagħmlu xogħol privat waqt li jkunu kap eżekuttivi għax il-paga tiegħu jew tagħha hija ferm adekwata.
Fil-fatt diġà hemm kapijiet eżekuttivi li qed jagħmlu xogħol privat waqt ix-xogħol tagħhom mal-entitajiet.
Kapijiet eżekuttivi normalment jaqilgħu fuq €80,000 fis-sena, apparti dħul ieħor marbut max-xogħol tagħhom.
Din il-problema mhux limitata għall-Gvern Laburista, anzi kien wiegħed li titranġa wara li ħa r-riedni mill-Gvern Nazzjonalista u osserva bosta persuni jżommu x-xogħol privat tagħhom waqt il-qadi ta’ kap eżekuttiv jew chairman.
Mark Sammut, li kien kap eżekuttiv tal-istazzjon nazzjonali mhux se jkompli fil-kariga tiegħu. Sammut, li ilu ma jidħol il-PBS għal dawn l-aħħar ġimgħat, jinsab Florida fejn għandu residenza sekondarja.
Sammut se jibqa’ mfakkar għat-tneħħija tiegħu ta’ Norma Saliba – li issa qed tikkontesta għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista – minn Kap tal-Aħbarijiet qabel ma’ ħatar lis-CEO tal-PBS bħala editur reġistrat tal-kamra tal-aħbarijiet. TVM għadu bla editur uffiċjali li jmexxi l-kamra tal-aħbarijiet sal-ġurnata tal-lum.
Taħt Sammut, l-istazzjon introduċa żewġ stazzjonijiet ġodda: TVMNews+ u TVMsports. Matul żmienu, PBS baqa’ suġġett għall-kritika mill-Partit Nazzjonalista għal aħbarijiet “infiltrati bi propoganda Laburista”.
Sorsi mill-Gvern qalu lill-ILLUM li għad ma nstabux kandidati biex jissostitwixxu lil Mark Sammut. Rapporti preċedenti li l-kariga kienet se tintlaħaq mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech ġew miċħudin.
Meta mistoqsi għal kumment, Grech qal li l-ħatra tiegħu rrappurtata kienet aħbar għalih, u li huwa, “kompletament iffukat fuq l-industrija tal-films.”