Il-PN jallega li mal-140 persuna qegħdin reġistrati falsifikament f’sitt postijiet f’Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li għandu fil-pussess tiegħu ismijiet u dettalji ta’ kważi 140 persuna li huma reġistrati b’karti tal-identità fuq diversi propjetajiet f’Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li għandu fil-pussess tiegħu ismijiet u dettalji ta’ kważi 140 persuna li huma reġistrati b’karti tal-identità fuq diversi propjetajiet f’Għawdex, partikolarment fir-Rabat u fix-Xagħra. 

Fi stqarrija s-Sibt filgħodu, il-partit żied ma’ dak li kien diġà rrapportat fuq The Times of Malta l-Ġimgħa filgħodu. 

Il-midja żvelat kif numru mdaqqas ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi rreġistraw l-indirizzi tagħhom fi propjetajiet marbuta ma’ żewġ magni tal-kostruzzjoni Għawdxin, minkejja li ma joqogħdux hemmhekk. 

Fil-lista maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, hemm imniżżel: 

– 25 persuna rreġistrata fuq Janique House, Triq Marsalforn, ix-Xagħra Għawdex; 

– 19-il persuna fuq Flat 1, Agius Buildings, Triq Qasam, ir-Rabat Għawdex; 

– 26 persuna fuq Flat 2, Agius Buildings, Triq Qasam, ir-Rabat Għawdex; 

– 33 persuna fuq Flat 1, Agius Court, Triq Qasam, ir-Rabat Għawdex; 

– 16-il persuna fuq Flat 3, Agius Court, Triq Qasam, ir-Rabat Għawdex; 

– 20 persuna fuq Il-Merill, Flat 4, Triq il-Gajdoru, ix-Xagħra, Għawdex. 
 
“Hu impossibbli li fuq propjetà waħda jkollok dawn il-persuni kollha reġistrati bħala residenti f’dawn il-postijiet. Allegatament, din hi parti minn dak li nafu dwar l-iskandlu li ħakem l-aġenzija Identità,” il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi qal fl-istqarrija. 

Huwa wiegħed li din l-informazzjoni se tkun qed tinżamm u tifforma parti mill-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-iskandlu tal-karti tal-identità. 

Carabott fakkar fl-eżerċizzju li qed jagħmel ta’ ġbir ta’ informazzjoni b’kunfidenzjalità stretta u reġa’ għamel appell biex tintbagħat kwalunkwe informazzjoni fuq [email protected] flimkien ma’ kwalunkwe dokument li persuna jkollha fil-pussess tagħha. 

Fakkar ukoll li bħalissa hemm talba għall-investigazzjoni quddiem l-Awditur Ġenerali, li saret mit-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, kif ukoll Inkjesta Maġisterjali dwar l-iskandlu tal-aġenzija Identità, li nbdiet mill-Avukat Jason Azzopardi. Fl-istess waqt, huwa rringrazzja lil kull persuna li diġà bagħtet informazzjoni lill-Partit Nazzjonalista dwar dan. 

Ix-Shadow Minister tenna t-talba tal-Partit Nazzjonalista, sabiex tinħoloq sistema fejn is-sidien tal-propjetà jkollhom id-dritt ikunu jafu kemm-il persuna u min huma l-persuni rreġistrati li joqogħdu fil-propjetà tagħhom u li tiġi ppubblikata l-investigazzjoni interna li l-Gvern qal li qed jagħmel dwar l-allegat skandlu fl-aġenzija Identità. 

Hu temm isejjaħ għal darb’oħra għar-riżenja tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

More in Politika