Surplus ta’ €60.3 miljuni fil-fond konsolidat tal-Gvern fi tmiem Lulju 2024
Meta mqabbel ma’ Lulju 2023, id-dħul rikorrenti żdied b’€658.1 miljun, filwaqt li n-nefqa totali żdiedet b’€295.4 miljun
More in Politika
Meta mqabbel ma’ Lulju 2023, id-dħul rikorrenti żdied b’€658.1 miljun, filwaqt li n-nefqa totali żdiedet b’€295.4 miljun
Fi tmiem Lulju 2024, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus ta’ €60.3 miljuni, żvilupp sinifikanti meta mqabbel mas-sena ta’ qabel fejn kien hemm defiċit ta’ €302.4 miljuni. Dan is-surplus huwa riżultat ta’ żieda qawwija fid-dħul rikorrenti u kontroll relattiv tan-nefqa, li flimkien iġġeneraw bidla pożittiva fil-finanzi tal-Gvern.
Meta mqabbel ma’ Lulju 2023, id-dħul rikorrenti żdied b’€658.1 miljun, filwaqt li n-nefqa totali żdiedet b’€295.4 miljuni. Din iż-żieda fid-dħul kienet iktar qawwija minn dik fin-nefqa, u wasslet għal bidla fil-Fond Konsolidat tal-Gvern ta’ €362.7 miljun. L-akbar kontribut għaż-żieda fid-dħul ġie mit-Taxxa tad-Dħul, li żdiedet b’€356 miljun.
Filwaqt li d-dħul tal-Gvern żdied b’mod sinifikanti, kien hemm ukoll żieda fin-nefqa. Il-kategorija Programmi u Inizjattivi rrappurtat l-akbar żieda tan-nefqa b’€211.6 miljuni. Il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali, ir-Riżorsi tal-Unjoni Ewropea, u l-Għajnuna għar-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru kienu fost l-aktar setturi li raw żidiet sinifikanti fin-nefqa.
Sa tmiem Lulju 2024, in-nefqa totali tal-Gvern laħqet l-€4,029.2 miljuni, żieda ta’ €295.4 miljuni mis-sena preċedenti. Minn din is-somma, in-nefqa rikorrenti kienet ta’ €3,537 miljun, żieda ta’ €293.9 miljun. Madankollu, in-nefqa kapitali naqset b’€27 miljun, prinċipalment minħabba tnaqqis fl-inċentivi għall-investiment u l-inizjattiva REPowerEU.
Id-dejn tal-Gvern Ċentrali fl-aħħar ta’ Lulju 2024 kien ta’ €9,769.7 miljuni, żieda ta’ €373.5 miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-akbar kontribut għal din iż-żieda kien minn żieda fl-istokks tal-Gvern ta’ Malta ta’ €696.1 miljun, kif ukoll dejn barrani u l-ħruġ tal-muniti tal-ewro f’isem it-Teżor