Il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi approva l-ħatra, b’erba’ voti kontra tnejn, ta’ Randolph Debattista bħala rappreżentant permanenti għan-Nazzjonijiet Magħquda, residenti f’Ġinevra.
Ġinevra sservi bħala l-bażi Ewropea tan-Nazzjonijiet Uniti u tospita wkoll il-kwartieri ġenerali ta' diversi organizzazzjonijiet internazzjonali.
Quddiem il-Kumitat Parlamentari, Debattista qal l-esperjenza tiegħu fil-Parlament u l-ħidma tiegħu f’diversi kumitati għallmitu li r-rettezza u l-integrità fil-karriera hija kollox.
Id-deputati tal-Oppożizzjoni fil-kumitat, Adrian Delia u Julie Zahra qalu li mhumiex kontra l-ħatra ta’ Debattista imma kontra l-mod kif saret. Qalu li n-nomina tressqet b’motivazzjoni politika biex Debattista jitneħħa minn deputat.
Delia qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tassoċċja ruħha ma’ dawn it-tip ta’ manuvri desktitti minnu bħala “musical chairs”.
Il-Ministru Clayton Bartolo ddeffenda n-nomina billi jakkuża lill-Oppożizzjoni b’motivazzjoni politika. Kemm il-Ministru Bartolo u anke s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-deputat Katya De Giovanni fissru kif Debattista huwa idoneju għall-kariga li ġie nnominat għaliha.
De Battista okkupa fl-aħħar snin, l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv Laburista, rwol li rriżenja minnu wara r-riżultatu fqar tal-Labour fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Huwa ġie co-opted fil-parlament mill-Prim Ministru Robert Abela fl-2022 wara siġġu battal fid-disa’ distrett.