Raġel mistenni jitressaq il-qorti b’rabta ma’ nota ta’ theddid li tħalliet barra d -dar tal-Kummissarju Ewropew ta’ Malta, Helena Dalli.
Is-Sibt li għadda, Dalli kkonfermat rapporti li raġel kien ħalla vażett bil-kannabis u nota li qalet, “Id-darba li jmiss nipprepara xi ħaġa għat-tfal,” barra l-bieb tad-dar tagħha fil-31 ta’ Lulju.
Il-Kummissarju qalet li immedjatament għamlet rapport lill-pulizija u pprovdiet il-filmat tas-sigurtà, u żiedet tgħid li kważi xahar wara l-inċident, il-pulizija qalulha li m’hemmx aġġornament.
L-inċident kien ikkonfermat minn Dalli wara li l-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, Il-Mument, ippubblikat filmat tas-sigurtà li juri lis-suspettat jipparkja barra r-residenza ta’ Dalli, iħalli l-oġġett, u jieħu ritratt tiegħu.
Dalli tinsab fl-aħħar ġimgħat tat-terminu tagħha ta’ ħames snin bħala Kummissarju Ewropew.
Dalli u l-familja tagħha dan l-aħħar kienu fiċ-ċentru tal-aħbarijiet wara li kien rraportat fl-ILLUM li l-Prim Ministru Robert Abela qed jopponi s-suġġeriment tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen biex Helena Dalli terġa’ tkun nominata bħala Kummissarju ta’ Malta.
Żewġha, Patrick Dalli, aktar tard allega li żewġ uffiċjali għolja tal-Partit Laburista qed jippruvaw jagħmlu ħsara politika lil martu, azzjoni li hu ddeskriva bħala “attakk faxxist.”
Binhom, Luke Dalli, ħabbar ukoll li mhux se jibqa’ jmexxi produzzjonijiet fuq ONE TV u ONE Radio, wara 14-il sena fuq l-istazzjonijiet tal-partit.