Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li d-deroga ta’ Malta mill-projbizzjoni fuq l-insib tal-għasafar hija illegali.
Il-Qorti Ewropea tat is-sentenza dwar il-każ imressaq mill-Kummissjoni Ewropea, li qalet li Malta ma kinitx qed tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi mogħtija d-deroga mill-projbizzjoni fuq l-insib, meta qalet li kienet għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika.
“Billi addottat deroga li tippermetti l-qbid ta’ seba’ speċi ta’ għasafar selvaġġi ħajjin, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2009/147 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi,” qalet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Id-Direttiva tal-Għasafar tal-UE hija liġi maħsuba biex tippreserva d-diversità tal-ispeċi kollha tal-għasafar, billi tipprojbixxi l-qtil jew il-qbid deliberat tal-għasafar, u l-użu ta’ metodi fuq skala kbira jew mhux selettivi bħal clap-nets.
Il-liġi xorta tippermetti deroga minn din il-projbizzjoni, taħt kundizzjonijiet stretti.
Meta Malta ngħaqdet mal-UE fl-2004, ingħatat fażi fejn fih jitwaqqaf gradwalment l-insib tal-għasafar peress li dan huwa pprojbit taħt id-direttiva. Wara li b’suċċess ipprojbixxa l-insib ta’ għasafar fis-sena 2009, l-amministrazzjoni ġdida Laburista fl-2014 reġgħet bdiet tapplika deroga rikreazzjonali għas-seba’ speċi ta’ għasafar.
Iżda fl-2018, il-Qorti tal-UE ddeċidiet li Malta kienet naqset milli tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga, u konsegwentement Malta revokat din id-deroga.
Fl-2020, Malta addottat deroga ġdida, din id-darba għal skopijiet ta’ riċerka. Il-Kummissjoni Ewropea akkużatha li kienet qed torganizza maskra biex tippermetti r-reġim rikreattiv preċedenti, u bdiet azzjonijiet ta’ ksur għal darb’oħra. Malta qalet li l-proġett ta’ riċerka kien maħsub biex iwieġeb il-mistoqsija: “Mnejn jiġu s-seruni li jpassu fuq Malta waqt il-migrazzjoni post-nuzzjali (tal-ħarifa)?”.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Proġett tal-Għasafar ta’ Malta ma stabilixxiex skop ta’ riċerka ġenwina u għalhekk ma kienx ġustifikat.
Żiedet tgħid li d-deroga ta’ Malta fuq il-bażi ta’ riċerka xjentifika ma kinitx ibbażata fuq metodi xjentifiċi, tagħti lok għal applikazzjoni difettuża, tfittex għan mhux marbut mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi u, fi kwalunkwe każ, ma kinitx xierqa biex jintlaħaq l-għan iddikjarat.
Malta naqset ukoll milli tgħid raġunijiet għan-nuqqas ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, u ma setgħetx turi l-assenza ta’ kwalunkwe soluzzjoni oħra sodisfaċenti.
Id-Direttiva tal-Għasafar hija liġi bbażata fuq il-premessa prinċipali li ħafna speċi ta’ għasafar selvaġġi huma mhedda, prinċipalment minħabba t-telf tal-abitat sforz żvilupp, kaċċa mhux sostenibbli, u t-tkabbir urban.
Il-liġi għalhekk tipprojbixxi l-qtil intenzjonat jew il-qbid ta’ għasafar b’kull metodu, jew iż-żamma ta’ għasafar f’jasar ta’ speċi li ma jistgħux jiġu kaċċjati jew maqbuda.
L-użu ta’ clap-nets biex jinqabdu l-għasafar huwa fost il-mezzi u l-metodi pprojbiti indikati mid-Direttiva tal-Għasafar.