Kelliem mill-Forzi Armati ta’ Malta kkonferma ma' MaltaToday li d-disa’ suldati Maltin li bħalissa jinsabu stazzjonati fil-Libanu bħala parti mill-Missjoni ta’ Manteniment tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti huma kollha f’sikurezza.
"Il-Forzi Armati ta’ Malta qegħdin isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni u huma f’kuntatt dirett mal-Forzi ta’ Difiża Irlandiżi. Għalkemm is-sitwazzjoni hija waħda volatili, is-suldati kollha Maltin jinsabu f’sikurezza," qal il-kelliem b’risposta għal mistoqsijiet tal-gazzetta oħt.
Uffiċjal u tmien sottuffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta bħalissa qegħdin jagħmlu parti mit-124 Battaljun tal-Fanterija fl-operazzjonijiet ta’ manteniment tal-paċi fil-Libanu taħt l-Isforz Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL), għal missjoni ta’ sitt xhur.
Ir-rwol ta’ dawn il-persuni huwa relatat esklussivament ma’ operazzjonijiet ta’ manteniment tal-paċi u mhux b'parteċipazzjoni f’kunflitti.
In-Nazzjonijiet Uniti għandhom iktar minn 10,000 suldat ta’ manteniment tal-paċi stazzjonati mal-fruntiera tal-Libanu ma’ Iżrael u s-Sirja, magħrufa bħala l-Linja Blu.
Tensjonijiet għolja għaddejjin fil-Libanu hekk kif l-ajruplani militari ta’ Iżrael komplew jattakkaw miri tal-Hezbollah fil-Libanu. Mijiet ta’ persuni nqatlu nhar it-Tnejn li għadda fl-agħar attakk mill-ajru mill-Iżrael f’kważi għoxrin sena.