'Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tħalli lill-Maltin bla għażla fuq l-insib għall-2024'

BirdLife Malta u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) jitkellmu mal-ILLUM wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) qalet li l-prattika Maltija li tippermetti l-insib tal-għasafar għal 'skopijiet ta’ riċerka' hija illegali

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) qalet li l-prattika Maltija li tippermetti l-insib tal-għasafar għal “skopijiet ta’ riċerka” hija illegali u tikser id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.  Din id-deċiżjoni ġabet reazzjonijiet differenti minn BirdLife Malta u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), li offrew il-perspettivi tagħhom dwar kif se tiġi affettwata l-komunità tan-nassaba Maltin mal-gazzetta ILLUM. 

BirdLife Malta: ‘Din is-sentenza tatna raġun’ 

Mark Sultana ta’ BirdLife Malta qal li d-deċiżjoni tal-Qorti kienet konferma ta’ dak li kienu ilhom iwissu fuqu. “Din is-sentenza tfisser ħafna, u fuq kollox tatna raġun,” qal Sultana.  

Huwa rrimarka kif il-pariri ta’ BirdLife Malta kienu dejjem ibbażati fuq xjenza soda, iżda l-Gvern għażel li ma jsegwihomx. “Il-pariri li tajna, dejjem kienu tajbin, il-Gvern ma semax minna, imma issa se jkollu.” 

Sultana kkritika wkoll lil Ministru Clint Camilleri li, skontu, ipprova jpinġi s-sentenza bħala kwistjoni ta’ teknikalità żgħira.  

“Clint Camilleri pprova jpinġiha li l-Imħallef sab problema waħda, fil-verità kienet teknikalità biżżejjed biex issib lil Malta ħatja,” qal Sultana. 

BirdLife Malta sostniet li xjenza ġenwina hija kruċjali, iżda mhux meta tintuża bħala skuża biex tiġi skużata l-prattika. 

“Xjenza hi importanti, imma mhux tpoġġi l-kelma ‘xjenza’ biex taraha iktar pożittiva,” żied Sultana.  

Għal BirdLife, din is-sentenza turi li l-insib qed jiġi milħuq b’bażi politika aktar milli xjentifika. 

FKNK: ‘Qed nanalizzaw spunti biex nimxu ’l quddiem’ 

Lucas Micallef tal-FKNK esprima l-frustrazzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti, iżda xorta waħda enfasizza li għadhom qed janalizzaw is-sitwazzjoni.  

“Mhux xi ħaġa li qed nilqgħu b’mod pożittiv,” qal Micallef, u saħaq li l-Qorti ma sabitx xi ħaġa ħażina fir-riċerka jew fil-parteċipazzjoni tan-nassab fil-proċess.  

Huwa semma kif l-FKNK qed taħdem mal-imsieħba tagħha, speċjalment mal-FACE fl-Ewropa, biex janalizzaw il-pożizzjoni tagħhom. 

Micallef irrefera wkoll għall-wegħdiet li saru qabel Malta daħlet fl-UE fl-2003, meta nassaba kienu ngħataw garanziji li l-prattika tagħhom tibqa’ għaddejja normali. “Qabel l-2003 saru ħafna wegħdiet anke uffiċjali li kollox se jibqa’ għaddej b’mod normali,” qal Micallef, qabel ma fakkar fl-esperjenza tal-FKNK fl-2009, meta l-Ewropa għamlet sentenza simili kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, iżda l-kaċċaturi sabu mod kif jibqgħu jipprattikawha.  

Filwaqt li l-FKNK qed tkompli tħares lejn il-mod kif jistgħu jimxu ’l quddiem, Micallef qal li għandhom fidi fil-pożizzjoni tal-Gvern. 

“Għadha friska imma nnutajna l-pożizzjoni tal-Gvern, u jaf li l-kompetenza tagħna u r-riżorsi tagħna huma dejjem disponibbli.” 

BirdLife titlob lil Abela jżomm responsabbli lil dawk li ‘qarrqu bl-UE’ 

Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ), BirdLife Malta sejħet għal kontabilità fejn jidħlu “il-manuvri ta’ qerq,” f’wiċċ l-Unjoni Ewropea. 

L-NGO, li kienet ilha topponi l-prattiċi ta’ Malta dwar l-insib, sejħet lill-Prim Ministru Robert Abela biex iżomm lil dawk involuti responsabbli, b’mod partikolari l-Ministru t’Għawdex Clint Camilleri li ħa ħsieb id-deroga.  

“Għal darb’oħra ġejna vindikati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja,” iddikjarat BirdLife Malta fl-ittra miftuħa tagħha lill-Prim Ministru. “Id-deroga għall-insib ma kienet xejn aktar minn mod biex tinħeba l-verità, li ma kellu l-ebda valur xjentifiku jew ta’ konservazzjoni.”  

L-ECJ iddeċidiet fid-19 ta’ Settembru 2024 li d-deroga ta’ Malta mill-projbizzjoni tal-insib tal-għasafar hija illegali, u qalet li l-proġett tal-insib f’Malta ma stabbiliex skop ġenwin ta’ riċerka u għalhekk ma kienx ġustifikat.  

Il-kritika ta’ BirdLife Malta waqgħet fuq Clint Camilleri, li jargumentaw li mhux biss żgwida lill-Kummissjoni Ewropea iżda wkoll ħela fondi pubbliċi fil-proċess. L-NGO ssostni li l-flus ta’ min iħallas it-taxxa, li x’aktarx jammontaw għal għexieren ta’ eluf ta’ ewro, intużaw fuq id-deroga, li kienet maħsuba biex tfalli mill-bidu.  

L-ittra miftuħa hija indirizzata wkoll lejn il-Kumitat Ornis, li jagħti pariri lill-Gvern dwar kwistjonijiet ta’ konservazzjoni tal-għasafar. BirdLife Malta kkritikat lill-kumitat talli kien influwenzat politikament, u appellat biex jiġi riformat f’korp li jibbaża r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq ix-xjenza, aktar milli fuq motivazzjonijiet politiċi.  

“Aħna nemmnu li Malta teħtieġ Kumitat Ornis ibbażat fuq ix-xjenza biex jagħti pariri bbażati fuq il-konservazzjoni, mhux il-politika,” kien miktub fl-ittra.  

BirdLife Malta temmet billi ħeġġet lill-Prim Ministru Abela biex jieħu azzjoni deċiżiva u jiżgura li Malta żżomm l-obbligi tagħha lejn id-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar u tirrispetta s-saltna tad-dritt. L-NGO wegħdet li tkompli bil-ħidma tagħha fil-konservazzjoni tal-għasafar u tan-natura billi tuża kull għodda legali u demokratika tagħha.  

More in Politika