Prodotti menstruwali b’xejn f’proġett pilota fi tliet skejjel

900 studenta fi tliet skejjel huma l-ewwel benefiċjarji ta’ inizjattiva ġdida biex fost oħrajn tkun indirizzata l-problema tal-istigma marbuta mal-period

900 studenta fi tliet skejjel huma l-ewwel benefiċjarji ta’ inizjattiva ġdida biex fost oħrajn tkun indirizzata l-problema tal-istigma marbuta mal-period.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg varat il-proġett pilota fi tliet skejjel, tnejn tal-Istat u waħda tal-Knisja, li permezz tagħha l-istudenti bniet ser ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mingħajr ħlas prodotti menstruwali fl-iskejjel.

Fit-tnedija ta’ din l-inizjattiva fl-Iskola Sekondarja Santa Monika f’Birkirkara, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li dan il-proġett qiegħed isir ukoll fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Maria Reġina fil-Mosta u fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ ta’ Għawdex, u eventwalment irid jinfirex fl-iskejjel medji u sekondarji kollha.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li l-mira ta’ dan il-proġett huwa li jnaqqas l-istigma li għad hemm marbut ma’ proċess naturali li tgħaddi minnu kull mara f’ħajjitha, waqt li ser itejjeb l-iġjene tal-istudenti fl-iskejjel. B’hekk huwa immirat li jonqos l-assentejiżmu tal-istudenti bniet filwaqt li ser itaffi wkoll il-piż finanzjarju tal-familji għax-xiri ta’ dawn il-prodotti essenzjali. 

L-istudenti ser ikunu jistgħu jużaw żewġ tipi ta’ prodotti menstruwali li ser ikunu jistgħu jieħdu minn tliet magni apposta li ġew installati fl-iskejjel.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li dan il-proġett qed isir wara studju li sar mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi li ra wkoll l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra li għamlu proġett simili fl-iskejjel tagħhom. Hija qalet li b’hekk bdiet titwettaq proposta oħra tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u miżura oħra mill-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza li ser tkun imsaħħa wkoll b’kampanja ta’ għarfien li qiegħda ssir f’dawn il-ġranet.

Is-segretarju parlamentari qalet li matul din is-sena skolastika, ser ikunu mistħarrġa r-riżultati ta’ dan il-proġett pilota bl-iskop li mis-sena skolastika li jmiss, din l-inizjattiva tkun tista’ titwettaq fl-iskejjel medji u sekondarji kollha.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg irringrazzjat fost oħrajn lill-kapijiet tal-iskejjel li kkoperaw biex jitwettaq dan il-proġett u lid-Direttorat tal-Drittijiet tal-Bniedem għax-xogħol li wettaq u li għad irid iwettaq biex dan il-proġett jilħaq l-iskop tiegħu inkluż bil-kampanja ta’ għarfien biex tixxejjen l-istigma marbuta mal-period filwaqt li jiġi assigurat li l-bniet ikollhom l-għodda meħtieġa biex ikunu jafu aktar dwar proċess li jaffettwalhom saħħithom.

More in Politika