Id-deċiżjoni tal-Gvern li jissussidja l-edukazzjoni privata spjegata
Fid-djalogu li jikkunsidra s-sussidjar tal-iskejjel indipendenti, żewġ figuri ċentrali, Mario Mallia u Evarist Bartolo, joffru perspettivi distinti tagħhom mal-ILLUM. Mario Mallia, akkademiku rispettat u politiku tal-ADPD, u Evarist Bartolo, ex-Ministru tal-Edukazzjoni, jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ din il-miżura ġdida
minn Marianna Calleja
Fid-djalogu li jikkunsidra s-sussidjar tal-iskejjel indipendenti, żewġ figuri ċentrali, Mario Mallia u Evarist Bartolo, joffru perspettivi distinti tagħhom mal-ILLUM. Mario Mallia, akkademiku rispettat u politiku tal-ADPD, u Evarist Bartolo, ex-Ministru tal-Edukazzjoni, jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ din il-miżura ġdida.
‘Il-flus mhux imorru bħala kapital għall-iskejjel indipendenti’ – Evarist Bartolo
Bosta kritikaw il-Gvern talli “se jissusidja skejjel, li diġà jibbenifikaw lis-sinjur.” X’tikkumenta dwaran?
Il-flus mhux se jmorru la fil-bwiet tal-ġenituri, u lanqas fil-bwiet tas-sidien tal-iskejjel indipendenti. Ħa jmorru għand l-għalliema.
Jekk mhux se nieħdu ħsieb l-għalliema, f’kull settur, diġà għadna problema biex ikollna għalliema u din il-problem se tikber. Dan hu punt li jrid jisemma, għax aħna diġà għadna l-problemi, bħal ma għandhom ukoll pajjiżi oħra. Irridu nieħdu ħsieb l-għalliema.
Il-flus se jmorru hemm, għax sar il-fethim settorjali mal-iskejjel tal-gvern, ovvjament l-għalliema fil-iskejjel tal-knisja jkollhom l-istess kundizzjonijiet u l-indipendenti jridu jkollhom l-istess ukoll, għax inkella ma tagħmilx sens.
Nerġa ngħid, il-flus mhux imorru bħala kapital għall-iskejjel indipendenti.
Jien nifhem min jgħid li jrid jkun hemm tqassim aħjar tal-ġid, imma dik mhux fl-edukazzjoni tagħmilha. Tagħmilha permezz ta’ taxxi, biex ikun hemm tqassim ta’ ġid.
Aħna għandna 10% tal-aktar nies sinjuri f’Malta jikkontrollaw 90% tal-ġid f’Malta, possibbli fuq l-10% ma nistgħux nagħmlu aktar taxxi ġusti? Għal ġustizzja fiskali?
Għandek min jgħid li dan hu negozju. Jekk fallejt, ma tieħux għajnuna tal-gvern, imma taċċetta l-falliment.
Dan mhux negozju. Mela jekk trid tagħmel il-flus se tiftaħ skola indipendenti? Min jitkellem hekk m’għandhux idea xi tfisser li tmexxi skola indipendenti. Jekk trid tagħmel l-flus ma tmurx tiftaħ skola indipendenti. Jien ma naqbilx ma dawk li jaħsbu li l-sikejjel huma xi magna biex tagħmel ħafna flus.
Min jagħmel allegazzjonijiet bħal dawn, irid jgħid ukoll, dawn qed jonfqu daqsekk flus, qed jagħmlu daqsekk qliegħ. Mhux il-każ.
L-istudji li rajt jien sakemm kont ministru, dawn l-iskejjel kellhom spejjeż kbar.
Dan kollu kif se jgawdu minnu t-tfal?
Li jkollhom l-għalliema. Jekk ma tistax iżomm l-għalliema fis-settur tiegħek, x’se jagħmlu mhux jitilqu? It-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għalliema, għandu jwassal titjib fis-servizz lejn it-tfal, l-edukazzjoni innifisha.
Dawn il-flus ma tieħdux mill-iskejjel tal-istat u tahom l-indipendenti. Kull ma għamel il-gvern, huwa żied in-nefqa fl-edukazzjoni. Din mhxu kwistjoni li ħadtlek ewro, u tajtu lil xi ħadd aħjar minnek.
‘Fl-aħħar mill-aħħar, min ma jiflahx iħallas, xorta se jibqa’ b’xiber imnieħer’ - Mario Mallia
Taqbel mal-inizjattiva li tara s-sussidjar fl-iskejjel tal-privat? Għaliex?
Inqisu prinċipju sagrosant li l-iskejjel kollha għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd. M’għandux ikun hemm bibien magħluqa għal xi wħud sempliċement għax jonqoshom il-mezzi finanzjarji, jew għax iħaddnu twemmin differenti. Dan jimplika li l-iskejjel kollha, huma liema huma, għandhom ikunu b’xejn. Dan ifisser li l-istat għandu jagħmel tajjeb għal dan. Il-mudell Żvediż fejn anke l-iskejjel privati huma b’xejn għax issussidjati mill-Gvern, jista’ jservi ta’ referenza f’dan ir-rigward. F’dan is-sens, is-sussidju li ta l-Gvern dan l-aħħar lill-iskejjel privati, jista’ jitqies nofs leħja għaliex filwaqt li jista’ jkun li jtaffi mill-ispejjeż li għandhom il-ġenituri eżistenti fl-iskejjel privati, xorta ma ggarantiex aċċess għal kulħadd f’dawn l-iskejjel. Fl-aħħar mill-aħħar, min ma jiflahx iħallas, xorta se jibqa’ b’xiber imnieħer.
Kif taħseb li se timpatta l-istudenti din l-inizjattiva?
Għall-istudenti tal-iskejjel privati se tfisser li l-iskola se jifdlilha iktar flus x’tonfoq fuq riżorsi li jkun hemm bżonn. Din tfisser li dawn l-iskejjel se jibqgħu aċċessibbli għall-ġenituri li bħalissa jifilħu jħallsu l-miżati eżistenti. Mhux se tagħmel dawn l-iskejjel aċċessibbli kompletament. Id-dritt tat-tfal li jgħixu d-diversità u l-inklużjoni b’mod kemm jista’ jkun wiesgħa jibqa’ mnaqqar.
Hawn min jargumenta li l-għalliema għandhom iżidu s-sigħat ta’ kuntatt (contact hours) u jitnaqqsu l-vaganzi tas-sajf biex l-istudenti jagħmlu aktar ħin l-iskola. X’tikkummenta?
L-ewwel u qabel kollox, ikun iktar għaqli li nkomplu niffukaw fuq kif il-ħin eżistenti tal-iskola jintuża b’mod kemm jista’ jkun effettiv; il-bżonn li ninfatmu ftit iktar (jew iktar minn hekk) mill-edukazzjoni tradizzjonali tal-kontenut, għal edukazzjoni ta’ iktar inizjattiva, ħiliiet kritiċi, spazju kreattiv, u komunitarju. Studji juruna li għal numru ta’ studenti b’diffikultà u żvantaġġ, iċ-ċans li l-progress li jkun sar matul is-sena jiżvinta ikun ikbar minħabba sajf twil li fih ikunu nqatgħu kompletament mill-iskola. Filwaqt li hemm l-Iskolasajf aċċessibbli għal kulhadd, jista’ jkun hemm bżonn l-organizzazzjoni ta’ iktar interventi speċifiċi ma’ tfal partikulari, biex nassiguraw li dawn it-tfal ikollhom iktar kontinwazzjoni u ma jaqgħux lura.
Tarah ġust li meta l-għalliema jkollhom Jum il-Ġenituri jew In-House Training, dawn jittieħdu mis-sigħat tal-iskola, mill-istudenti?
Iktar ma jirnexxilna nżidu ħin ta’ tagħlim, aħjar. Fl-istess waqt iżda, f’kull post tax-xogħol, hija meqjusa bħala prattika tajba li t-taħriġ isir waqt il-ħin tax-xogħol biex kemm jista’ jkun ma jitnaqqarx il-ħin personali tal-ħaddiema. Dan għandu jgħodd ukoll għall-edukaturi. Tajjeb li jingħad hawnhekk, li ħafna edukaturi, min jeddhom, japplikaw għal korsijiet lil hinn minn dak li huwa statutorjament mitlub minnhom. Dan jagħmluh wara l-ħinijiet tal-iskola u fil-vaganzi tagħhom. Kull taħriġ huwa rikkezza li minnha, fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-istudenti. Jiem il-Ġenituri mbagħad inqishom bħala estensjoni tal-assessjar tat-tagħlim, li jagħti l-possibbiltà lill-istudenti biex isiru aħjar, mhux biss fuq livell akkademiku, imma anke fuq livell personali u relazzjonali. Jum il-Ġenituri huwa ħin ta’ djalogu bejn l-edukaturi u l-ġenituri u fl-aħħar mill-aħħar mal-istudenti nfushom. Għalija, dan il-ħin huwa estensjoni naturali tal-ħin tat-tagħlim ġaladarba l-feedback huwa ingredjent essenzjali fil-proċess edukattiv. Inżid li l-kuntatt mal-ġenituri ma jistax jieqaf sal-ftit minuti waqt Jum il-Ġenituri ma’ kull ġenitur, imma jrid ikun proċess dejjiemi ta’ djalogu bejn il-ġenituri u l-edukaturi. Jum il-Ġenituri hija biss parti żgħira minn dan id-djalogu.