Hemm ferment kbir anke fost żviluppaturi dwar il-bidla fil-pjanijiet lokali biex jiġi aġevolat il-proġett massiċċ ta’ Villa Rosa tal-kumpanija ta’ Anton Camilleri. Imma l-ferment ġej ukoll fil-kabinett b’membri ewlenin qed jilmentaw li din it-tip ta’ review biex taqdi żviluppatur kbir bħal Anton Camilleri tibgħat messaġġ ħażin ħafna lill-elettorat.
“Qed jaraw gvern li jaqdi lill-kbir u mhux liż-żgħir. Qisu dak li qed naraw fis-sondaġġi ta’ wieħed u l-ieħor mhux importanti. Qegħdin in denial.”
Il-ferment fl-iżviluppaturi qed jiġi orkestrat minn wieħed mill-iktar membri magħrufin tal-lobby tal-iżviluppaturi li qed ikellem politiċi miż-żewġ naħat biex iqajmu rixhom kontra l-proġett ta’ Villa Rosa.
Il-proġett ta’ Villa Rosa huwa ffinanzjat minn wieħed mill-ikbar gruppi f’Malta mmexxija minn Anton Camilleri li huwa wkoll l-azzjonista b’sehem maġġoritarju ta’ Manoel Island.
Il-proġett ta’ Camilleri huwa mfassal fuq art li kien xtara hu u jinkludi l-ħsieb ta’ numri ta’ lukandi ta’ kwalità għolja u li jkun hemm żoni miftuħin għall-pubbliku.
L-iżvilupp propost huwa ġol-Bajja ta’ San Ġorg fejn diġà hemm żvilupp minn numru ta’ azjendi kbar fosthom ta’ Pawlu Xuereb u d-DB.
Fl-opinjoni ta’ ministru ewlieni tal-kabinett: “L-iżball hu li din il-policy review tal-local plan missha saret għaż-żoni kollha fejn hemm dan l-iżvilupp massiv. Issa kif ġraw l-affarijiet qed nidhru li qed naqdu l-kbir biss.”
Madankollu, ministru ieħor qal lill-ILLUM li bħalissa hija ċara li hemm attitudni kompletament kuntrarja għal dak li jridu n-nies.
“Illum hija ċara li tfajna l-Planning Authority taħt ministeru ’l bogħod mill-Gvern imma kkontrollat minn Kastilja, fejn il-Planning Authority qed isir timbru tal-permessi l-kbar u ostaklu għal dawk żgħar.”
Il-local plan review qed isir fejn is-sondaġġi kollha fil-margin of error qed juru tnaqqis kbir fl-appoġġ għall-Partit Laburista mill-maġġoranza kbira li kellu fl-2022.
Bħalma qalilna Ministru partikolari: “Bernard Grech jista’ jibqa’ ħalqu magħluq, anzi aħjar għax aħna qed nagħmlulu l-kampanja bl-iżbalji tagħna.”