ADPD jgħidu li l-pulizija saru ostaklu għal dawk li jippretendu jagħmlu li jridu

Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci tgħid li bil-mod il-mod qed jintilef is-sens ta’ rispett lejn il-pulizija, tappella biex ir-rispett u r-rettezza jibdew mill-mexxejja politiċi tal-pajjiż

Ir-rispett lejn il-Korp tal-Pulizija huwa marbut direttament ma’ kif dawk fil-poter jittrattaw il-liġi u l-ġustizzja, sostniet il-Chairperson tal-Partit ADPD, Sandra Gauci, waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu. Hija għamlet referenza għall-każijiet ta' attakki reċenti fuq il-pulizija kif ukoll għall-iskandli ta' korruzzjoni li qed “ikomplu jheddu l-integrità tal-istituzzjonijiet Maltin.”

“Il-Korp tal-Pulizija m'għadux jistimola rispett,” qalet Gauci. “Infatti, il-pulizija saru ostaklu għal dawk li jippretendu jagħmlu li jridu,” hija qalet.

Gauci kienet qed titkellem flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-ADPD, Ralph Cassar, waqt konferenza li ddiskutiet il-kundizzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija u kif qed jiġu ttrattati.

Dan id-diskors ġie wara żewġ każijiet reċenti ta’ pulizija attakkati waqt il-qadi ta’ dmirijiethom f’Ħamrun u Sliema. Il-gvern issa ħabbar pjanijiet biex isaħħaħ is-sentenzi għal dawk li jinstabu ħatja ta’ attakki fuq uffiċjali pubbliċi.

Gauci fakkret fil-fatt li jekk il-ġustizzja u l-liġi qed jiġu użati bl-addoċċ mill-mexxejja, m'għandux ikun ta' sorpriża li jkun hemm min jaħseb li huwa ’l fuq mill-liġi.“F’pajjiż fejn il-mentalità hija ‘kulma jmur’, faċli li s-sentiment ġenerali jsir wieħed ta’ indifferenza.”

Hija kkwotat data mill-UE, dwar il-perċezzjoni ta' korruzzjoni f'Malta, li skonta żdiedet bi 13% matul l-aħħar sena. Gauci enfasizzat li dan qed jagħti l-messaġġ li l-liġi u l-imġieba etika ma japplikawx għal kulħadd.

Min-naħa tiegħu, Ralph Cassar qal li l-pulizija jeħtieġu aktar riżorsi biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b’mod adegwat. Huwa innota kif diversi lokalitajiet f’Malta m’għandhomx stazzjonijiet tal-pulizija li jaħdmu kif suppost, u f’oħrajn il-bini huwa abbandunat.

“Din l-anomalija tirrifletti fil-manutenzjoni tal-ordni fil-pajjiż: kull fejn tħares tara t-telqa u s-sens ta’ ‘kulma jmur’, li qed ikun dejjem aktar skoraġġanti għan-nies,” żied jgħid Cassar.

Fl-aħħar nett, Gauci qalet li l-pulizija jeħtieġu aktar appoġġ waqt li jwettqu dmirijiethom f'soċjetà li dejjem qed tiżdied fil-popolazzjoni, u għaldaqstant qed tiżdied ukoll il-ħtieġa li jinżamm l-ordni pubbliku.

More in Politika