Il-PN jħabbar it-tema tal-Kunsill Ġenerali, ’Malta Żagħżugħa’

 Il-partit qal li b'din it-tema qed iwassal messaġġ ta' tama u enerġija ġdida għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, bil-għan li joħolqu futur aħjar

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li t-tema tal-Kunsill Ġenerali tiegħu għal din is-sena ser tkun "Malta Żagħżugħa." Il-partit qal li b'din it-tema qed iwassal messaġġ ta' tama u enerġija ġdida għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, bil-għan li joħolqu futur aħjar.

“Nemmen f'Malta żagħżugħa, mimlija enerġija u determinazzjoni, sabiex b'tama u kuraġġ fikom infuskom, il-poplu Malti u Għawdxi jkollu futur aħjar. Ejjew naħdmu flimkien għal Malta Żagħżugħa,” qal il-PN fl-istqarrija tiegħu nhar it-Tnejn.

Il-Ġimgħa, il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN se jiddiskuti l-mozzjoni li se tiġi ppreżentata fil-Kunsill Ġenerali, fejn ser jibda l-proċess ta’ preparazzjoni għal-laqgħat u d-diskussjonijiet bejn il-membri.

“Dan ix-xogħol flimkien ser ikun wieħed ta’ valur li jwassal għal direzzjoni ġdida minn naħa tal-PN għall-pajjiż. Il-parteċipazzjoni tagħkom tagħmel lill-PN aktar b’saħħtu,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f'post qasir fuq il-midja soċjali.

Fil-ġimgħatejn li ġejjin, il-PN ser ikun qed jiltaqa’ mal-individwi kollha li b’xi mod jikkontribwixxu fil-Partit Nazzjonalista permezz ta’ diskussjonijiet, attivitajiet u sessjonijiet oħra.

More in Politika