F’Malta, 31% jgħidu li l-migrazzjoni hija l-aktar problema li taffettwa lill-pajjiż, iżda 15% biss jgħidu li l-immigrazzjoni taffettwa lilhom personalment.
Dan ħareġ fi stħarriġ tal-Ewrobarometru maħruġ f’Ottubru li għadda.
Fl-istess stħarriġ, 83% tal-parteċipanti sostnew li l-affarijiet f’ħajjithom sejrin fid-direzzjoni t-tajba. Filwaqt li 46% jemmnu li s-sitwazzjoni fil-pajjiż sejra fid-direzzjoni t-tajba.
Id-differenza bejn is-sitwazzjoni personali, u dik li l-parteċipanti qed iwieġbu li qed jaraw, twassal għal domandi oħra.
Pereżempju filwaqt li 84% tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hija tajba, kienu 68% tal-Maltin li qallu li jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna hija tajba. Anke fejn tidħol il-ħajja inġenerali, waqt li l-maġġoranza qawwija ħafna jgħidu li ferħanin b’ħajjithom, huma 56% biss li sostnew li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija tajba.
B’kuntrast fejn tidħol inflazzjoni, 53% jgħidu li din hija problema li qed taffettwahom personalment, u 43% jgħidu li din hija problema għall-pajjiż kollu kemm hu.
Meta mqabbel mal-bqija tal-Ewropa, l-Ewrobarometru għal Malta juri xejriet interessanti ħafna. F’Malta kien hemm l-akbar tnaqqis fil-proporzjon ta’ nies inkwetati fuq l-inflazzjoni. Fil-fatt it-tnaqqis f’pajjiżna kien id-doppju ta’ dak madwar l-Ewropa, għalkemm l-għoli tal-ħajja baqa’ l-aktar ħaġa li tinkwieta lill-Maltin, ferm aktar mill-migrazzjoni.
Terz tal-familji Maltin jemmnu li l-qagħda tal-pajjiż u dik finanzjarja tagħhom se titjieb fix-xhur li ġejjin. Madwar iż-żona ewro madwar kwint biss jaħsbu hekk. Fil-fatt Malta hija l-pajjiż fiż-żona ewro fejn il-familji huma l-aktar ottimisti għaż-żmien li ġej. Dan seta’ rrifletta l-aspettattiva ta’ budget ġeneruż għax l-istħarriġ sar fil-ġimgħat ta’ qabel.
Fatt ieħor interessanti huwa n-nuqqas ta’ għarfien tal-familji Maltin għall-qagħda ekonomika internazzjonali. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda tal-ekonomija Ewropea hija waħda tajba. Dan bil-kontra tal-familji madwar l-Unjoni, kif ukoll tal-istatistika uffiċjali fuq l-andament ekonomiku f’din iż-żona.
Lil hinn mill-ekonomija, il-maġġoranza qawwija tal-familji Maltin min-naħa l-oħra jaħsbu li l-affarijiet sejrin fid-direzzjoni l-ħażina fl-Unjoni Ewropea, u ferm aktar fl-Istati Uniti.
L-appoġġ tal-familji Maltin lejn l-Ukrajna wkoll jidher li huwa ferm baxx meta mqabbel mal-medja Ewropea. Waqt li 60% tal-familji Ewropej jemmnu li l-Ukrajna għandha ssir membru tal-Unjoni, ftit aktar minn 50% tal-Maltin jaqblu. L-akbar appoġġ għall-kandidatura tal-Ukrajna huwa fl-Iżvezja, fejn kważi 85% huma favur.
Malta tibqa’ wkoll il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-anqas appoġġ popolari għal politika komuni ta’ difiża u sigurtà.