ll-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni ħabbar il-kompożizzjoni tal-Bord għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol skont l-Att il-ġdid li kien approvat unanimament fil-Parlament.
Attard laqa’ u rringrazzja liċ-Chairperson u l-kumplament tal-membri tal-Bord tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol li daħlu għal dan l-inkarigu f’mument fejn is-settur għaddej minn riformi kontinwi intiżi li jkomplu jgħollu l-istandards u l-protezzjoni tal-ħaddiema kollha.
“B’dawn il-ħatriet il-ġodda rajna li jkollna bord b’ħiliet, perspettivi u esperjenzi ġodda, b’tali mod li nkomplu nwettqu dan il-proċess riformattiv f’dan is-settur. Konxji li l-implimentazzjoni tal-Att il-ġdid li daħħalna fis-seħħ wara aktar minn 20 sena mill-aħħar riforma f’dan is-settur jista’ jġib miegħu sfidi ġodda, iżda kommessi li mhux biss indawru dawn l-isfidi f’opportunitajiet u nkomplu nimplimentaw l-impenji tagħna fil-manifest elettorali u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, imma mmorru pass oltre biex inkomplu ngħollu l-istandards fis-settur,” saħaq il-Ministru Jonathan Attard.
Il-bord ser ikun immexxi mis-sur Pierre Fava wara li ġie approvat unanimament mill-kumitat tal-ħatriet pubbliċi tal-Parlament.
Min-naħa tiegħu Fava qal li: “Il-bord għandu rwol ċentrali fis-superviżjoni tal-governanza u d-direzzjoni strateġika tal-Awtorità. Flimkien mal-Kap Eżekuttiv u t-tmexxija amministrattiva tal-Awtorità rridu nassiguraw li b’komunikazzjoni kontinwa nsaħħu l-kollaborazzjoni mal-istakeholders u niżguraw il-konformità mal-obbligi legali u l-prinċipji li jsawru lil din l-istess Awtorità biex nissalvagwardjaw is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol.”
Il-Bord tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol il-ġdid se jikkonsisti minn:
Chairperson
Pierre Fava
Viċi Chairperson
Adrian Cauchi
Membri
Dianne Vella Muscat
Zaid Teebi
Dolan Debattista
Victor Carachi
Isabelle Farrugia
Joseph Delia
Andrew Aquilina
Segretarja
Marouska Debono