L-ebda arma li se tinbiegħ bl-irkant ma ntużat fi qtil jew hold-ups
Irkant ta' 700 arma mill-pulizija
minn John Pisani
Din il-ġimgħa kellu jsir irkant ta’ aktar minn 700 arma tan-nar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija imma dan l-irkant twaqqaf wara li l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni.
Staqsejna lill-Korp tal-Pulizija kemm hemm minn dawn l-armi ntużaw f’reati kriminali. Jirriżulta li l-ebda arma li kellha tiġi rkantata ma ntużat f’xi omiċidju, hold-ups jew reati li fihom kienu feruti serjament xi persuni.
Il-Korp tal-Pulizija qalulna li l-armi li se jkunu rkantanti li b’xi mod ġew issekwestrati b’konnessjoni ma’ xi reat, huma f’każi ambjentali, theddid, ma kinux liċenzjati u reati oħrajn simili.
Minn dawn hemm 140 senter li kienu involuti f’xi tip ta’ reat kriminali u għalhekk ġew issekwestrati. Hemm ukoll 125 air-rifle u 67 air-pistols li ġew issekwestrati. Mill-140 senter, 67 minnhom huma tal-kaċċa.
Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li hekk kif l-armi tpoġġew għall-wiri u l-pubbliku kien mistieden biex imur jarahom, kien hemm lil min sema’ li xi wħud jgħidu li għarfu l-arma li kienet tagħhom fil-passat u li kienet issekwestrata mill-Pulizija. Dawn l-individwi dehru juru interess kbir fl-arma tagħhom u li kienu lesti jixtruha lura.
L-iktar arma antika li hemm għall-irkant hija Montenegrini li tmur lura għas-sena 1910. Għall-bejgħ se jkun hemm rifles ta’ żmien il-gwerra li kienu jintużaw mill-Ġermaniżi. Dawn kienu qed jinżammu fl-armeriji tal-Pulizija u qatt ma ntużaw mill-Pulizija.
Dan l-irkant, meta jsir, mistenni jiġbed kollezzjonisti tal-armi biex jakkwistaw armi antiki u li ħafna jqisu li għandhom preġju enormi u dan minħabba l-fatt li wħud minn dawn l-armi kienu jagħmlu użu minnhom il-Pulizija.
F’Malta hawn aktar minn 90,000 arma tan-nar reġistrata, li ma jinkludux l-armi li huma proprjetà tal-Korp tal-Pulizija. Uħud mill-armi jinsabu għand ftit aktar minn 1,200 persuna liċenzjati bħala kollezzjonisti tal-armi. Minbarra l-madwar 700 arma, il-Korp se jirkanta wkoll madwar 120 vettura u bċejjeċ tal-baħar. Fost dawn hemm vetturi tal-Pulizija, vetturi li nħatfu mill-Pulizija fosthom numru ta’ karozzi, muturi u spare parts.
L-irkant, li kien se jitmexxa mill-kumpanija tal-irkantaturi Obelisk, ġie sospiż wara li l-Qorti laqgħet temporanjament mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija u żewġ uffiċjali pubbliċi li pprotestaw minħabba li skont il-liġi - bħala ħaddiema taċ-ċivil - ma jistgħux jieħdu sehem fl-irkant.
Fil-mandat, l-Assoċjazzjoni u ż-żewġ uffiċjali pubbliċi - Malcolm Bondin u Frankie Sammut - argumentaw li huma xtaqu jieħdu sehem fl-irkant, iżda qegħdin ikunu mċaħħdin, sempliċiment għax huma uffiċjali pubbliċi. Qalu li ppruvaw jevitaw li jmorru l-Qorti, iżda l-isforzi kollha rriżultaw fin-negattiv.